Il-Konservatorju Vincenzo Bugeja, li jieħu ħsieb 22 adoloxxenti f’żewġt idjar residenzjali, mhux se jkun qed iġedded ftehim li għandu mal-Gvern bħala Public Social Partnership meta dan se jiskadi fl-aħħar ta’ din is-sena.
Informat bid-deċiżjoni mill-istess Konservatorju, li jitmexxa mill-privat, il-Gvern minnufih beda l-proċess biex, b’mod gradwali u ppjanat, isib akkomodazzjoni alternattiva għaż-żgħażagħ, permezz tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS.
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar dan waqt li, fil-Parlament, kienu qed jiġu diskussi l-estimi għall-Ministeru li hu responsabbli minnu.
Falzon ukoll giddeb l-allegazzjonijiet u l-biża’ li pprova jnissel pubblikament id-Deputat tal-Oppożizzjoni u llum kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, David Agius, fl-aħħar jiem meta insinwa li kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq il-Konservatorju.
“Vincenzo Bugeja kien filantropu kbir, kien persuna li ħalla ħafna proprjetà, basta tintuża għall-użu soċjali. La l-FSWS u lanqas il-Gvern mhu responsabbli għat-tmexxija tal-Conservatorio Vincenzo Bugeja, jiġifieri jekk hemm xi ħadd li jista’ jagħlaq il-konservatorju huma l-Board of Trusties. Le, il-konservatorju mhux ħa jingħalaq għax dak hemm parti oħra li se tibqa’ tintuża.”
Il-Ministru Michael Falzon
Dan meta Agius, li hu l-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għall-Politika Soċjali u membru tal-Kumitat Parlamentari dwar dan, suppost jaf sew li l-Konservatorju mhux proprjetà jew xi entità tal-Gvern.
Bil-maqlub, il-Ministru Falzon spjega li l-Gvern saħħaħ il-ħlas li kien jagħti lill-Konservatorju fl-aħħar għaxar snin fejn mis-somma ta’ €564,000 fil-Baġit għall-2012, din is-sena telgħet b’45% għal €819,000 mill-vot fil-baġit għall-Public Social Partnerships, li b’kollox ilaħħaq it-tnax-il miljun ewro.
Issa, wara d-deċiżjoni tal-Konservatorju, il-Ministeru u l-FSWS se jkunu qed jirrilokaw lill-adoloxxenti fi tliet istituzzjonijiet differenti u ġodda fl-aħjar interess tagħhom. Il-Ministru Falzon qal li, għal raġunijiet ta’ sigurtà u privatezza, ma kienx se jgħid fejn se jkunu rilokati.
Minkejja dan, tenna li saru l-arranġamenti kollha neċessarji biex ikomplu bit-tagħlim tagħhom, waqt li se jkunu taħt il-kura ta’ staff speċjalizzat bi snin twal ta’ esperjenza maqusmin fi tliet gruppi ta’ support workers u carers.
B’hekk issa, l-FSWS se jkollha għaxart idjar residenzjali għal minuri protetti b’care order u żewġ postijiet oħrajn għall-kura ta’ wara waqt li dawn ikunu qed jaqilbu minn sistema ta’ kura alternattiva għal ħajja indipendenti.
Dwar il-ħaddiema tal-Konservatorju, il-Ministru wkoll qal li, għalkemm dawn qatt ma kienu mpjegati direttament mill-Gvern, l-FSWS żammet kuntatt mal-unjin li tirrappreżentahom u ħeġġiġhom biex japplikaw mill-ewwel għal numru ta’ vakanzi li jeżistu fis-Settur Pubbliku biex jibqgħu f’impjieg appena jingħataw jtemmu s-servizzi tagħhom mal-Konservatorju Vincenzo Bugeja.