Il-konsagrazzjoni Episkopali ta’ Dun Anton Teuma, l-Isqof elett tad-Djoċesi Għawdxija se ssir fit-tlettax ta’ Settembru li ġej.
Għall-ewwel darba, minħabba direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, iċ-ċelebrazzjoni solenni ta’ dan it-tip se ssir fuq iz-zuntier tas-Santwarju devot tal-Madonna Ta’ Pinu fil-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija.
Peress li f’Ta’ Pinu, l-Isqof m’għandux il-katedra ta’ ragħaj spiritwali, jiġifieri s-siġġu tal-Isqof, li jinsab fil-Katidral ta’ Marija Assunta fir-Rabat Għawdex, tliet ijiem wara il-Konsagrazzjoni Episkopali, Dun Anton Teuma mistenni jieħu l-Ingress Solenni u jidħol għall-ewwel darba fil-Katidral bħala l-Isqof il-ġdid t’Għawdex.
Dun Anton, li huwa iben ix-Xagħra, se jkun id-disa’ Isqof tad-Djoċesi Għawdxija u se jieħu post Monsijur Mario Grech li s’issa għadu jokkupa l-irwol ta’ Amministratur Appostoliku t’Għawdex.
Monsinjur Grech se jkun qed jinħatar Pro-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Kariga li se twasslu biex iħalli l-gżira tat-tliet għoljiet u jmur f’Ruma jaħdem fil-Vatikan u jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri.
Intant, il-Ħamis filgħodu d-Djoċesi Għawdxija ħabbret ukoll l-istemma Episkopali tal-Isqof elett, li se tkun qed tiddendel fuq il-bieb prinċipali ta’ kull knisja f’Għawdex u tieħu post l-istemma ta’ Monsinjur Grech.
Il-motto tal-istemma episkopali se tkun “U baqa’ miexi magħhom” – meħud mill-vanġelu skont San Luqa, fejn il-Mulej imqajjem mill-mewt jimxi mad-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws, juri l-missjoni tal-Knisja anki fil-mumenti tqal u ta’ dlam.
Fl-istemma jidhru wkoll l-ewwel ktieb tas-Slaten, iċ-Ċawla bil-ħobż f’munqarha, l-ktieb imkebbeb f’difrejha u anke n-nixxiegħa tal-ilma.
Ma jonqosx li fir-ras tal-iskud hemm l-istemma ta’ Għawdex – jiġifieri t-tliet għoljiet wieqfa fuq il-mewġ – peress li l-missjoni tal-Isqof hija marbuta intimament ma’ din il-Knisja partikulari, li tagħha huwa r-ras u l-għarus, simbolu ta’ Kristu li hu r-Ras u l-Għarus tal-Knisja tiegħu.
Dun Anton Teuma għandu sitta u ħamsin sena u qatta’ l-biċċa l-kbira tal-missjoni saċerdotali tiegħu jaħdem mal-familji u anke ma’ koppji li jkunu se jiżżewwġu.