L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, laqgħet l-aħbar dwar il-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida li se tieħu post l-Air Malta kurrenti.
Fi stqarrija, il-President tal-MHRA, Tony Zahra, tenna li l-Assoċjazzjoni dejjem kienet fuq quddiem biex tappoġġja inizjattivi li jsaħħu u jtejbu l-linja tal-ajru Maltija.
Fl-istqarrija ġie rrimarkat kif l-istorja tal-linja tal-ajru Maltija tista’ tiġi deskritta bħala mezz importanti biex, tul is-snin, kibret l-industrija tat-turiżmu, minkejja d-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu u li ħafna drabi kienu jkunu influwenzati minn direzzjoni politika.
Dan kien aktar sinifikanti wara li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea u saret parti minn suq internazzjonali dinamiku u kompetittiv.
L-MHRA kompliet tgħid li hi dejjem kienet voċifera fuq il-fatt li Malta għandha bżonn il-linja tal-ajru tagħha, hekk kif il-konnettività twassal għal benefiċċji soċjali u ekonomiċi importanti ħafna għall-gżira tagħna u niesha, u ma nistgħux niddependu biss fuq operaturi barranin.
L-MHRA qalet li l-linja tal-ajru, li se tieħu post l-Air Malta, għandha tiġi interpretata bħala opportunità unika biex nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat u jiġi evitat li dawn jirrepetu ruħhom.
L-Assoċjazzjoni awgurat li t-tranżizzjoni tkun bla xkiel u temmet tgħid li l-linja tal-ajru l-ġdida ġġib tama ġdida għal futur isbaħ għas-settur tat-turiżmu u l-ivvjaġġar f’Malta.
Qalet li l-istakeholders kollha, flimkien mal-Gvern, għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex jipproteġu dan iċ-ċans uniku li jagħmlu l-affarijiet differenti u aħjar.