Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius indirizza l-konferenza internazzjonali ‘Sustainable Concrete: Materials and Structures’, fejn saħaq li l-konkrit huwa t-tieni l-aktar materjal li jiġi kkunsmat fid-dinja, wara l-ilma, u jintuża l-aktar fl-industrija tal-kostruzzjoni minħabba l-karatteristiċi tiegħu, bħar-reżistenza għall-kompressjoni għolja tiegħu, fost oħrajn.
Filwaqt li għaraf in-neċessità tal-konkrit għall-iżvilupp, Agius qal li hemm il-potenzjal għall-promozzjoni ta’ prattiċi sostenibbli fl-industrija. Huwa qal li l-iżvilupp ekonomiku jsejjaħ għal infrastruttura li tappoġġjah billi tilqa’ l-bżonnijiet tas-soċjetà preżenti, u huwa essenzjali li l-iżvilupp tal-bini, isir bl-akbar każ għas-sostenibilità, billi jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġid tas-soċjetà, u l-ekonomija.
Agius għalaq billi qal li dan wassal għat-trasformazzjoni tal-industrija tal-konkrit, permezz tal-iżvilupp ta’ materjali avvanzati u innovazzjoni fl-inġinerija tal-konkrit. Avvanzi bħal dawn jgħinu sabiex tinkiseb kwalità ogħla fil-kostruzzjoni, li hi essenzjali għall-binjiet u l-infrastruttura li huma mistennija jservu għaċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.