“L-ewwel tilqim bil-vaċċin kontra l-Covid-19 u l-booster għenuna biex stajna nirrilaxxaw ċertu miżuri marbuta mal-imxija”.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Dan kien il-messaġġ li għadda d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’kollegament telefoniku waqt il-programm Temi ppreżentat minn Nigel Vella fuq ONE Radio.
Il-Ministru għas-Saħħa tkellem l-għada li fil-Parlament ħabbar rilaxx ta’ miżuri fosthom it-tneħħija tal-obbligu taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex tidħol fi stabbilimenti differenti, fosthom ir-ristoranti mis-7 ta’ Frar li ġej.
Chris Fearne saħaq li issa li n-numru ta’ infezzjonijiet naqas u anki s-sitwazzjoni fl-isptarijiet fosthom fit-taqsima għall-kura intensiva baqgħet waħda stabbli, is-sitwazzjoni tjiebet u għalhekk l-awtoritajiet kienu f’pożizzjoni li jnaqqsu l-miżuri marbuta mal-imxija.
“Nistgħu nnaqsu l-miżuri għax kellna daqstant konkorrenza tajba għall-booster. Jiġifieri l-booster u l-vaċċin qiegħed mhux biss isalva l-ħajjiet, imma issa qed jagħtina l-possibilità li dawk il-miżuri li kellna nagħmlu meta, bħad-dinja kollha, ġie l-Omicron f’Malta u kien hawn mewġa ta’ Omicron, illum grazzi għal dawk il-miżuri imma grazzi aktar minn hekk li għalkemm għandna n-nies li ħadu l-booster nistgħu bil-mod il-mod nerġgħu nibdew inaqqsu l-miżuri.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Chris Fearne qal li l-booster jibqa’ importanti biex il-popolazzjoni tibqa’ protetta mill-Coronavirus.
Saħaq li r-rilaxx ta’ miżuri mhux se jkun wieħed f’daqqa.
Qal li l-biża’ li s-sistema tas-saħħa tikkollassa qed tmajna għax għandna rata qawwija ta’ tilqim.
Chis Fearne spjega li l-konsegwenzi li tkun infettat bil-Covid-19 u ma tkunx imlaqqam, huma kbar.
“Il-konsegwenzi li taqbdek il-COVID jekk ma jkollokx il-vaċċin għadhom kbar. Illum għad għandna nies l-ITU, illi qegħdin l-ITU minħabba l-Covid u għax ma kellhom il-protezzjoni tal-vaċċin. Ftit huma n-nies li għadhom ma ħadux it-tilqima, almenu l-ewwel waħda. Imma minn dawn il-ftit għandna illum, u kellna anke f’dawn il-ġimgħat persuni fl-ITU minħabba l-Covid għax ma ħadux it-tilqima, anke ta’ età relattivament żgħira.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne