Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta nsistiet bis-saħħa li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jirrispettaw u jirriflettu wkoll il-prinċipji mħaddna fil-Kostituzzjoni ta’ stati membri, bħal Malta, li tħaddan in-newtralità u n-non-allineament.
Il-Prim Ministru sostna dan fi tmiem is-summit importanti tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa.
“Aħna sa mill-bidunett fuq livell tekniku qajjimna l-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-Kostituzzjoni tagħna. Ma’ żewġ prinċipji ewlenin fil-Kostituzzjoni tagħna, dak tan-newtralità u non-allineament, li konna ċari l-konklużjonijiet ma kinux jirrispettawhom. U għalhekk konna ċari li, biex inkunu f’qagħda li nkunu nistgħu nappoġġjaw dawk il-konklużjonijiet, bilfors irid ikun hemm salvagwardja ċara ta’ konformità mal-Kostituzzjoni tagħna. Bqajna naħdmu sal-aħħar ħin, irnexxielna nġibu dik is-salvagwardja, li rrepetejniha darbtejn fil-konklużjonijiet tal-Kunsill.”
F’punt ħamsa dwar l-Ukrajna, il-mexxejja Ewropej qablu li “l-appoġġ militari u l-impenji ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea se jiġu pprovduti b’rispett sħiħ għall-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti stati membri u b’kont meħud tal-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-istati membri kollha.”
F’punt dsatax, f’dawn l-istess konklużjonijiet, il-mexxejja Ewropej qablu li dwar is-sigurtà u d-difiża jittieħed mingħajr preġudizzju tan-natura speċifika tal-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti stati membri, u jqis l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-istati membri kollha.
Il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru kien irrapportat ukoll, fost oħrajn, fuq is-sit awtorevoli Politico.
F’kumment mal-midja, fi tmiem is-summit, il-Prim Ministru tkellem dwar is-sitwazzjoni f’Gaza.
“Din id-darba hemm konklużjonijiet li huma dettaljati u li ngħid jien, li mhumiex sodisfaċenti biżżejjed. Għaliex? Għax jonqsu milli jaslu għall-konklużjoni l-aktar importanti li għandu jkun hemm permanent ceasefire fl-immedjat.”
Fil-marġini ta’ dan is-summit tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja ta’ Malta, Spanja, l-Irlanda u s-Slovenja qablu li jirrikonoxxu l-Palestina bħala stat, meta l-kundizzjonijiet jippermettu dan.
L-erba’ pajjiżi qablu li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati hi kruċjali għall-paċi fil-Lvant Nofsani.
F’din l-istqarrija ntqal li l-erba’ pajjiżi jaqblu li għandu jkun hemm waqfien permanenti tal-ġlied b’mod immedjat, li jinħelsu l-ostaġġi kollha u li tingħata għajnuna umanitarja.
“Morna pass oltre terġa’ minn permanent ceasefire, għedna li għandu jkun hemm ir-rilaxx tal-ostaġġi, għedna li għandu jkun hemm permanent ceasefire, però għall-ewwel darba ngħid li għedna wkoll li aħna nemmnu li għandna nirrikonoxxu li l-Palestina bħala stat, meta jseħħu ċerti kundizzjonijiet. Dak kien pass li nemmen li huwa bold ħafna, pass li huwa kuraġġuż ħafna. Imma nemmen li dak huwa s-sinjal li rridu nagħtu.”
Il-Kunsill iddiskuta wkoll is-settur tal-agrikoltura b’Malta ttenni wkoll pożizzjoni konsistenti favur appoġġ lill-bdiewa u li ma jkunx hemm sistemi li ma jagħtux flessibbiltà u żvantaġġ lill-bdiewa ta’ stati membri. Dr Abela nnota wkoll li dan isir fl-istess waqt favur direzzjoni ta’ prattiċi lejn is-sostenibbiltà fis-settur.
Matul l-Euro Summit, li sar fi ħdan l-istess Kunsill, il-Prim Ministru semma kif pajiżna ħa deċiżjonijiet b’saħħithom f’dan il-perjodu ta’ sfidi internazzjonali.
AQRA AKTAR: