Il-konklużjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika hija ċara, li d-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Claudette Buttigieg, minflok ammettew żball, baqgħu jinsistu fuq interpretazzjoni li tattribwixxi diskors li ma ntqalx mill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista dwar il-konklużjoni ta’ rapport maħruġ mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, b’rabta mad-deputati Nazzjonalista Karol Aquilina u Claudette Buttigieg.
F’rapport iebes dwar ilment b’rabta ma’ dikjarazzjoni nfondata li għamlu l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Aquilina u Buttigieg, il-Kummissarju saħaq li l-eżitu ta’ dan l-ilment seta’ jkun differenti kieku l-kodici ta’ etika għad-deputati nbidel, imma filwaqt li “il-kodiċi tal-Ministri jinkludi fiħ l-obbligu tal-onestà, jiġifieri kull Ministru għandu dmir li jgħid il-verità. Għal xi raġuni inspjegabbli l-kodiċi tad-deputati ma jinkludix obbligu simili.”
Il-Kummissarju kkonkluda wkoll li d-deputati Nazzjonalisti ma kienux preċiżi meta kwotaw lill-Prim Ministru Robert Abela. L-istess kif ma tahomx raġun meta pruvaw jiskolpaw ruħhom billi jinħbew wara l-iskuza ta’ battibek politiku. Għall-kuntrarju, il-Kummissarju kkonkluda li r-rappurtaġġ għandu jkun fattwali.
L-istqarrija tal-Partit Laburista temmet tgħid li dan ir-rapport tal-Kummissarju mhu xejn għajr konferma tad-diżonestà tad-deputati Nazzjonalisti u tal-fake news li jiddilettaw bih.