Ġiet imnedija l-wirja tal-arazzi tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, wara li dawn l-arazzi storiċi għaddew minn sittax-il sena ta’ restawr estensiv barra minn xtutna.
Dan is-sett ta’ arazzi, li kienu ġew ikkummissjonati mill-Gran Mastru Ramon Perellós meta ġie elett fl-1697, kienu ġew esebiti l-aħħar waqt iż-żjara tal-Papa San Ġwanni Pawlu II f’Malta fl-elf disa’ mija u disgħin.
Is-sett jikkonsisti f’29 biċċa li juru t-Trijonf tal-Knisja Kattolika Rumana, xeni mill-ħajja ta’ Kristu, it-tnax-il appostlu, Ġesu, il-Madonna, u anke San Pawl.
Il-maġġoranza tal-arazzi kienu bbażati fuq kartun tal-artist famuż Peter Paul Rubens u ntisġu fi Brussell min-nissieġ Judocus De Vos.
L-esebizzjoni tal-arazzi, bl-isem ta’ ‘A Gift of Glory’, qed issir biex timmarka l-qofol ta’ dan il-proġett ta’ restawr, li jassigura li dawn l-arazzi jistgħu jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri.
Waqt it-tnedija tal-wirja, ġie nnutat li ftit huma l-Maltin li raw il-Konkatidral imżejjen b’dawn l-arazzi, iżda issa kulħadd se jkollu ċ-ċans li jara din ix-xena spettakolari.
Preżenti kien hemm l-Arċisqof Charles J. Scicluna, li nnota kif dawn l-arazzi jixhdu l-fidi tal-Knisja Kattolika, fidi li bħalma ġiet restawrata din l-arti, għandha t-tama li tiġi msaħħa.
Il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Monsinjur Professur Emmanuel Agius spjega kif dan ir-restawr ġie jiswa mal-miljun u tliet mitt elf ewro, u rringrazzja lil kull min kien involut f’din il-ħidma.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dawn l-arazzi jirrappreżentaw il-quċċata tal-kisba artistika u kulturali fil-livell Ewropew.
Huwa qal li r-restawr tal-arazzi huwa akkwist, u mhux biss għal pajjiżna.
“Dan is-sett ta’ arazzi huwa rigal mhux biss għal pajjiżna, imma lill-kontinent Ewropew kollu kemm hu, għaliex il-valur imprezzabbli ta’ dan ix-xogħol… biżżejjed insemmu li dan sar fuq disinji tal-pittur Rubens, pittur famuż Rinaxximentali. Dan huwa sinjal tal-kobor u s-sbuħija li fihom dawn l-arazzi, u jien kuntent immens li, għal darb’oħra, b’ħidma mal-Knisja – li naħdmu id f’id bħal aħwa fejn jidħol il-Konkatidral ta’ San Ġwann – stajna nwettqu din is-sbuħija ta’ proġett.”
Matul it-tnedija, sar ftehim li ġie ffirmat bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u Alfred Mizzi Foundation, li ġenerożament taw donazzjoni ta’ kwart ta’ miljun ewro għat-tisbiħ tas-Sala tal-Arazzi fil-Mużew il-Ġdid.
Il-Wirja se tibqa’ għaddejja sal-erbgħa u għoxrin ta’ Ġunju li ġej, filwaqt li l-Ħadd sebgħa ta’ Mejju se ssir open day bi dħul b’xejn biex il-pubbliku japprezza s-sbuħija ta’ dawn l-arazzi.