Il-Prim Minsitru Joseph Muscat irrefera għas-surplus li llum kien ikkonfermat li kien ta’ €101 miljun is-sena li għaddiet. Qal li dan huwa turija ta’ ekonmija li sejra tajjeb u li hija mibnija fuq sisien sodi. Spjega li d-defiċit mhux biss tnaqqas, imma żdiedu l-inċentivi għall-ekonomija filwaqt li tnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija għal familji u negozji. Il-Prim Ministru spjega li dan il-Gvern qiegħed inħalli legat finanzjarju fejn mhux biss ħassar id-dejn ta’ ħames snin qabel imma qed inħalli l-ġid u qed jinħoloq ix-xogħol.
Filwaqt li kien hemm min ħaseb li pajjiżna kien se jitlob bailout, fil-verità qed nesperjenzaw miraklu ekonomiku Malti.
Issa, spjega Joseph Muscat, imiss aktar tkabbir ekonomiku u titjib infrastrutturali. Dan il-Gvern beda jaħdem minnufih fuq oqsma bħall-enerġija u s-suq tax-xogħol, tant li llum stess se jibda kapitlu ġdid fl-elettriku ġġenerat mill-gass.
Hemm min, spjega Muscat, qed jipprova fixkel ghax iddispra li ma jistax jasal b’metodi politiċi ortodossi. Allura qed jipprova jivvinta mezzi kif tista’ tmur minn taħt l-ekonomija. “M’hu se nħalli lil ħadd jilgħab bis-suċċessi li kisbna” qal Joseph Muscat…”in-nies tinduna”. Qal li din l-amminstrazzjoni l-ewwel tara li n-nies jimxu ‘il quddiem u wara tagħmel konsiderazzjonijet politiċi.