Il-konferenza tal-Partit Laburista, bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien”, hija xhieda tad-determinazzjoni li fi pjan ambizzjuż għal pajjiżna, ikun involut kulħadd.
Qalet dan il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard li wriet l-impenn tal-Partit li jibqa’ ffukat fuq il-politika tan-nies.
Hija tkellmet dwar il-frott li ħareġ mid-diskussjonijiet li saru tul din il-konferenza mifruxa fuq erbat ijiem, fejn fost l-oħrajn issemma l-bżonn li tinbidel il-liġi tal-IVF biex igawdu minnha aktar koppji.
Semmiet ukoll l-għarfien li qam tul waħda mid-diskussjonijiet fuq is-saħħa sesswali, fosthom l-importanza tal-kontraċettivi.
B’differenza, qalet il-President tal-Partit Laburista, fil-Partit Nazzjonalista, għax kandidata ppruvat titkellem dwar l-użu tal-kontraċettivi, ħadd ma ta kasha tant li waslet biex irriżenjat u rtirat il-kandidatura tagħha.
Ramona Attard qalet li din hija d-differenza ewlenija bejn iż-żewġ partiti; għaliex il-Partit Laburista huwa miftuħ għall-kritika u ideat ġodda.
Qalet li din il-konferenza ma kinitx eżerċizzju kożmetiku imma onesta għaliex twassal il-politika għall-preżent u għall-futur.