Il-Ġimgħa u s-Sibt, il-Partit Laburista se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Annwali fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.
Fl-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali, il-Ġimgħa, se jitkellmu d-Deputati Mexxejja Chris Fearne u Daniel Micallef, filwaqt li s-Sibt se jagħlaq il-Konferenza Ġenerali l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Dwar dan l-avveniment importanti għall-Partit Laburista, ONE News tkellem mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef.
“Hija konferenza ġenerali li fiha se jkollna diskussjoni bit-tema ‘Fiduċja f’Pajjiżna’, u nħares ’il quddiem li din il-konferenza tkun il-pjattaforma mhux ta’ diskussjoni biss, imma anki tal-programm ta’ ħidma politika li l-Partit Laburista għandu għas-sena 2023.”
Mal-Perit Daniel Micallef tkellima wkoll dwar it-tema ta’ din il-Konferenza Ġenerali, ‘Fiduċja f’Pajjiżna’.
“Nemmnu li tinkapsula l-ispirtu li proprju qed imexxi lil pajjiżna ’l quddiem. Wara snin ta’ diffikultà li konna għaddejjin minnha b’mod internazzjonali, kemm minħabba l-pandemija u kemm ukoll minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna, anki meta kkumparat ma’ pajjiżi oħrajn, hija sitwazzjoni tajba ħafna. Anki l-prospetti ekonomiċi tal-IMF, fost l-oħrajn, li juru dan ikkumparat anki ma’ pajjiżi oħrajn Ewropej. Dan huwa grazzi għad-deċiżjonijiet tempestivi u kuraġġużi tal-gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela, u dik il-fiduċja, grazzi għal dawk id-deċiżjonijiet, hija l-bażi li fuqha rridu nibnu għall-futur, kemm immedjat kif ukoll aktar distanti ta’ dan il-pajjiż.”