F’din is-sessjoni il-Partit Laburista ta ħarsa lejn il-ħidma fil-lokalitajiet tagħna. Fil-fatt il-Partit Laburista se jkollu manifest għal kull lokalità.
Fl-ewwel intervent tiegħu llum il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dan il-gvern irnexxielu jibdel il-pajjiż minn wieħed li kien imdorri jagħmel telf kull sena għal wieħed li qed jagħmel surplus kull sena.
Huwa spjega li dan is-surplus qed imur sabiex filwaqt li jitwettqu proġetti ġodda għall-futur, jitranġaw l-iżbalji li saru fil-passat. Qed naraw l-flus jingħataw lura lill-ħaddiema tal-korpi, ħaddiema tax-xatt u oħrajn li kienu ħadmu għalihom iżda qatt ma ngħatawlhom.
B’kollox 6,000 persuna dalwaqt se jibdew jirċievu ċ-ċekkijiet u flimkien se jieħdu 11-il miljun u nofs oħra. Huwa stqarr li għal kuntrarju ta’ dak li kien jgħid il-Partit Nazzjonalista, qed jingħata kulħadd dak li jixraqlu mingħajr ma jitteħidlu ħadd.
Il-Prim Ministru stqarr kif illum qed naraw ukoll il-flus jirritornaw lil min skorrettament taħt amministrazzjoni Nazzjonalista kien intalab iħallas flus żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Flus li l-Partit Nazzjonalista kien naqas milli jroddhom lura.
Dr Muscat stqarr li jaf li hemm kwistjonijiet oħrajn li fadal jiġu indirizzati. Madankollu huwa qal li filwaqt li llum in-nies qed jitkellmu fuq dak li se jieħdu qabel kienu jinkwetaw fuq dak li kien se joħdilhom gvern Nazzjonalisa.
Huwa stqarr li l-Gvern se jibqa’ kommess li jisma u jasal għas-soluzzjonijiet. Huwa stqarr li dawn il-miżuri fost proġetti u tibdiliet oħrajn qed jitwettqu kollha permezz tas-surplus.
Fit-tieni intervent tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia il-bieraħ nesa’ jfakkar lin-nies ta’ Ta’Xbiex li kieku kien għall-Partit Nazzjonalista ma kinitx issir elezzjoni biex jeleġu Kunsill ġdid.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li din hija logħba tal-Partit Nazzjonalista sabiex jaqta’ qalb in-nies milli joħorġu jivvutaw. Huwa stqarr li l-Partit Nazzjonalista ċaħad in-natura stess ta’ dak li jagħmel id-demokrazija, l-opportunita li n-nies jiġġudikaw il-partiti politiċi.
Qal li dan huwa l-istess partit li ġimgħatejn ilu stqarr li jrid il-hamlets, iżda imbgħad ma preżentawx kandidati biżżejjed għall-kunsilli lokali. Qal li permezz tal-mossa tal-Partit Nazzjonalista hekk kienu se jħallu inqas inċentiv li wieħed joħroġ jivvota għall-Parlament Ewropew. Huwa stqarr li huwa jħares il-quddiem sabiex il-poplu jiġġudika lilu bħala Prim Ministru, jiġġudika l-Gvern, jiġġudika l-Partit.
Il-Prim Ministru qal li l-mossa tal-Partit Nazzjonalista kienet se twassal sabiex terz tal-pajjiż ma jkollux elezzjoni tal-kunsilli lokali. Dr.Muscat qal li din kienet azzjoni kontra d-dritt tal-vot taż-żgħażagħ li f’dawn il-lokalitajiet ma ridithomx jivvutaw.
Huwa stqarr li jemmen b’saħħtu kollha li dak li l-Partit Laburista se jipproponi għall-lokalitajiet tagħna u r-riforma li għamel dan il-gvern, qal li din se twassal għal bidla kbira u dimensjoni ġdida lill-kunsilli Lokali. Stqarr li l-manifesti individwali għall-kull lokalità se juru f’dettall kbir kif il-lokalitajiet tagħna jistgħu jimxu l-quddiem.
Saħaq li l-ewwel il-Partit ra l-lokalitajiet x’għandhom bżonn sabiex verament l-manifesti jolqtu l-problemi kollha li hemm bħalissa.
Fakkar li l-kunsilli Lokali se titteħdilhom l-piż tat-twettiq tat-toroq hekk kif dawn se jsiru kollha mill-Gvern. Dan filwaqt li qal kif mhux sodisfatt bil-livell ta’ indafa li hawn fil-pajjiż. Qal li r-riforma li se tkun qed issir fir-reġjuni se toħloq struttura sħiħa għal dan.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-indafa se tkun ukoll parti kbira mill-Manifesti tal-Kunsilli Lokali. Qal li kif il-Maltin juru amor propju għad-dar tagħhom hemm bżonn li dan ikun l-istess mod li bih jimxu fit-toroq tagħna.