Il-Ħadd waranofsinhar quddiem l-Ambaxxata Russa, saret protesta mill-komunità Ukrena f’Malta.
Hawn bosta tfal, żgħażagħ u adulti Ukreni tkellmu dwar il-gwerra fl-Ukrajna, fejn persuni qasmu wkoll l-esperjenzi tagħhom dwar pajjiżhom u kif dan qiegħed jinbidel kuljum.
Tkellmu wkoll dwar l-attroċitajiet tal-gwerra li qegħdin jesperjenzaw l-Ukreni kuljum, u kif b’dawn l-atroċitajiet, ir-Russja qed tikser il-liġi bl-aktar mod orribbli.
Din il-protesta saret lejliet il-festa Russa li tiċċelebra r-rebħa tal-Unjoni Sovjetika fuq il-Ġermanja fit-Tieni Gwerra Dinjija, liema festa, skont il-komunità Ukrena, għandha tissemma l-Jum tal-Mistħija għar-Russi.
Huma stqarru kif din iċ-ċelebrazzjoni għar-Russja ta’ Putin hija ironika, hekk kif ir-Russja qed twettaq l-istess attroċitajiet li wettqu n-Nażżisti fis-seklu għoxrin. Fil-fatt kienu bosta persuni li qabblu lill-President Russu, Vladimir Putin mad-dittatur Nażżist, Adolph Hitler.