ONE News huwa nfurmat li l-Ordni Karmelitana f’Malta ddeċidiet li żżomm tliet komunitajiet; dawk tas-Santwarju Bażilika tal-Belt, kif ukoll il-Parroċċi tal-Fgura u ta’ Santa Venera.
Din id-deċiżjoni tikkonferma dak li kien tħabbar f’Ottubru li għadda, meta l-Ordni kienet qed tevalwa l-possibilità li tnaqqas il-preżenza tagħha fil-parroċċi.
Dan minħabba nuqqas ta’ patrijiet Karmelitani f’Malta, biex issa l-patrijiet se jinġabru fi tliet kunventi u mhux se jibqgħu mifruxa f’sitta.
F’intervista li kienet saret f’Ottubru, il-Pirjol Provinċjal tal-Karmelitani Patri Joseph Saliba, kien ikkonferma ma’ ONE News li kienu bdew id-diskussjonijiet dwar dan.
Il-Pirjol kien stqarr li jixtiequ jgħixu l-ħajja komunitarja tagħhom, b’impenn u responsabilità magħhom infushom, lejn xulxin u anki lejn il-Knisja. Spjega li huwa impossibbli li tagħmel dan kollu bi ftit nies, allura nħass il-bżonn li jinqasmu fi tliet komunitajiet li jkunu b’saħħithom u jagħtu servizz aħjar lill-Knisja f’Malta.
Il-preżenza tal-ewwel Karmelitani f’Malta tmur lura għas-sena elf, erba’ mija u tmintax (1418) u matul is-snin, il-komunità Karmelitana mxiet ukoll madwar il-pajjiż.