Assoċċjazzjoni tal-komunità tan-Nepal f’pajjiżna qed tilqa’ donazzjonijiet sabiex tkun tista’ tiffinanzja l-ispejjeż tal-assigurazzjoni u r-ripatrijazzjoni ta’ Ajay Shrestha li tilef ħajtu traġikament ilbieraħ fl-inċident fi Triq Aldo Moro fil-Marsa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs tal-Erbgħa filgħodu meta trakk, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ sitta u ħamsin sena minn Bormla, u li kien għaddej fid-direzzjoni lejn il-Belt, tilef il-kontroll, bil-konsegwenza li laqat is-central strip u nqaleb.
Kawża ta’ dan, il-kaxxa tat-trakk bit-tagħbija b’kollox, inqalbet fuq in-naħa l-oħra tal-karreġġata, fejn f’dak il-mument kienu għaddejjin Shrestha bil-mutur u żewġ karozzi oħra. It-tagħbija tat-trakk waqgħet fuq Shrestha, li kien fi triqtu biex iqassam l-ikel, b’riżultat li tilef ħajtu.
Intant l-Erbgħa filgħaxija madwar 500 persuna mill-komunità tan-Nepal f’pajjiżna nġabru fil-Marsa sabiex ifakkru l-memorja ta’ Shrestha. Huma tellgħu wkoll vġili qrib il-post tal-inċident fejn hemmhekk poġġew xemgħat u talbu flimkien għall-memorja tal-vittma.
Matul il-lejl ukoll skattat ħidma mill-ħaddiema ta’ Infrastruttura Malta biex jinbidlu u jittranġaw il-barrikati fi Triq Aldo Moro li ntlaqtu mit-trakk waqt l-inċident.