Il-membri fl-Industrija tal-Ibburdjar u l-komunità tas-settur marittimu attendew għall-ewwel Yachting Malta Summer Party.
Ir-riċeviment li sar fil-Laguna Marina, fil-Valletta Waterfront, kien avveniment ferm mill-isbaħ u tassew memorabbli. Dan għaliex fih iż-żewġ komunitajiet ingħataw l-opportunità li jiċċelebraw flimkien il-kisbiet tagħhom filwaqt li wkoll jibnu konnessjonijiet ġodda fl-isfond tas-swar storiċi tal-Port il-Kbir.
“Dan l-avveniment huwa riflessjoni tal-impenn tagħna biex inrawmu r-relazzjonijiet u nimbuttaw il-konfini tal-industrija tal-jottijiet, l-ibburdjar u s-settur marittimu lokali. B’ħidma flimkien, nistgħu niksbu suċċessi notevoli, u dan l-avveniment iservi bħala xhieda tad-dedikazzjoni kondiviża tagħna għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-għaqda” kkummenta Michael Mifsud, Il-Kap Eżekuttiv tal-Yachting Malta.
Id-dħul mill-Yachting Malta Summer Party se jingħata b’donazzjoni lil-Malta Community Chest Fund Foundation.
Is-serata saret taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika George Vella, li attenda is-serata flimkien mas-Sinjura Vella, fejn flimkien ħadu l-opportunita li jitkellmu ma dawk preżenti, Dr Vella stqarr li “Il-Malta Community Chest Fund ma tistax tiddependi biss fuq L-Istrina, ġurnata waħda f’sena imma hemm il-bżonn kontinwu, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar.”
Għall-avveniment attendew ukoll il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali l-Onor. Dr Farrugia u ċ-Chairman tal-Yachting Malta l-Onor. Is-Sur Chris Agius, li t-tnejn indirizzaw lil dawk preżenti.