Sports Unity tat bidu għall-ewwel proġett maġġuri tagħha, inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi għar-riċerka dwar il-kanċer, b’serata li ġabret rappreżentanti minn tmien klabbs mill-Malta Premier League u ċ-Challenge League, turija ta’ impenn kollettiv favur impatt pożittiv fis-soċjetà ta’ madwarna.
Din l-inizjattiva, proġett ta’ Ħamrun Ħanin, ingħatat ukoll l-appoġġ tal-Malta Football Association (MFA), il-Malta Premier League (MPL) u l-Malta Football Players Association (MFPA).
Din l-inizjattiva qed tfittex li tixħet aktar dawl u tiġbor il-fondi għar-riċerka dwar il-kanċer, u qed isir f’kollaborazzjoni mal-RIDT, il-fond ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta.
Waqt dan l-avveniment, li sar fir-Rabat, il-parteċipanti kellhom l-opportunità esklussiva li jaraw għall-ewwel darba il-Laboratorju Mobbli tal-Cancer Research and Innovation Hub Malta. Din il-faċilità moderna, li qed tkun appoġġjata mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor Keith Azzopardi Tanti, se jkollha rwol importanti fl-avvanz tal-proġett ta’ riċerka dwar il-kanċer li huwa fil-qalba ta’ din l-inizjattiva.
F’diskors tal-okkażjoni, iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin enfasizza s-saħħa kbira li l-isport għandu fil-kollettività tiegħu: “L-isport għandu rwol uniku li jgħaqqad flimkien persuni minn kulturi, sfondi u komunitajiet differenti. Huwa pjattaforma qawwija ħafna għall-għaqda u kollaborazzjoni lejn oġġettivi komuni. L-għan tagħna hu li nestendu din l-inizjattiva soċjali billi ngħaqdu aktar klabbs tal-futbol u eventwalment sport ieħor lejn għan komuni, dak li nagħti kontribut lill-komunitajiet ta’ madwarna”.
Ritratt Henry Zammit Cordina