Il-komunità tal-avjazzjoni Maltija qed tiġbor donazzjonijiet ta’ ikel u flus sabiex tgħin lill-komunità fil-kapitali Lebaniża, Bejrut.
Dan wara l-isplużjoni qawwija li seħħet fl-erbgħa ta’ Awwissu li għadda u li ħalliet ħerba sħiħa. B’din l-isplużjoni nqatlu aktar minn mitt persuna u erbat’elef persuna oħra ndarbu. Barra minn hekk, diversi persuni spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom wara li saret ħsara konsiderevoli fl-infrastruttura tal-belt.
ONE News tkellem mal-Kaptan Charles Pace, li qed jieħu ħsieb dan il-grupp flimkien ma’ grupp ta’ nies flimkien mas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar, se jkunu qed jibgħatu l-affarijiet ġewwa l-Libanu.
Il-Kaptan stqarr, “Bħala inizjattiva ovjament nixtiequ li nibgħatu prodotti, li jinxtraw minn hawn Malta li hemm bżonn ġewwa l-Lebanon bħalissa – ikel, mediċina u affarijiet tat-tfal għax hemm problemi kbar bit-tfal għax għadhom nuqqas ta’ affarijiet. Li ovvjament nagħmlulhom il-ħajja daqsxejn aktar aħjar mil-lum.”
Din hija t-tieni esperjenza ta’ Pace hekk kif lura fl-elfejn u ħamsa, grupp ta’ Maltin kienu bagħtu l-affarijiet lejn l-Indoneżja wara tsunami li ħakem lil dan il-pajjiż.
Dan il-grupp Malti se jkun qed jibgħat dawn il-prodotti fil-bidu ta’ Settembru li ġej, hekk kif kumpanija Maltija offriet l-ajruplan tagħha sabiex iġorr dawn il-prodotti direttament lejn il-Libanu.
Il-Kaptan Charles Pace appella lill-Maltin, li minn dejjem kienu ġeneruzi u issa se juri dan billi jgħinu lin-nies ta’ Bejrut.
“Dejjem konna ġenerużi, dejjem rajna kif nagħtu l-għajnuna tagħna u naħseb illum il-ġurnata anke meta qegħdin inħossu li qed inħossu aħna minħabba l-COVID, wieħed jifhem kemm tista tkun agħar. Jiġifieri tgerger kemm tgerger, tirrealizza kemm tista’ tkun agħar.” Kompla jgħid il-Kaptan.
Wieħed jista’ jgħin billi jibgħat messaġġ fuq in-numru 50619280 jew permezz ta’ email fuq lebanon@hillandlamb.com.