Il-ħames mija u tmenin resident li jiffurmaw il-komunità ta’ Ħal Farruġ, li tifforma parti mil-lokalità ta’ Ħal Luqa, jistgħu jużaw il-faċilitajiet għall-eżerċizzju fiżiku li għandha SportMalta f’Ta’ Kandja.
L-użu ta’ dawn il-faċilitajiet se jkun mingħajr ħlas u kull min għandu iktar minn sittax-il sena huwa eliġibbli.
Dan grazzi għal ftehim bejn SportMalta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-ftehim huwa investiment ieħor li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Qalet, “Din l-iskema se tara li mitejn u ħmistax-il familja li joqogħdu f’Ħal Farruġ, se jkollhom iċ-ċans ta’ membership b’xejn fil-gym li għandna fix-shooting range f’Ta’ Kandja fejn il-Gvern qed jibgħat messaġġ b’saħħtu; kif il-qalba tal-komunità, l-attivitajiet sportivi, iridu jkomplu jingħataw il-ħajja.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima qal li bi proġetti sportivi bħal dawn, il-Gvern qed ikompli juri kemm verament irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
Qal, “Irridu nimmassimizzaw ir-riżorsi sportivi ġewwa pajjiżna u allura permezz ta’ SportMalta qed nassiguraw li jkollna ftehim ma’ Kunsilli Lokali varji, f’dal-każ mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, li permezz tiegħu jkollok numru ta’ familji li jistgħu jużaw il-faċilitajiet tal-istess entità governattiva mingħajr ħlas.”
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa ħeġġeġ lir-residenti ta’ Ħal Farruġ biex jagħmlu użu minn dan is-servizz bla ħlas u japplikaw għal sħubija mal-Kunsill.
Qal, “Inħeġġeġ lir-residenti ta’ Ħal Farruġ biex jaslu wasla sal-Kunsill u jieħdu din l-opportunità, aktar u aktar meta wieħed jista’ jiġi hawnhekk jagħmel l-isport fiżiku tiegħu mingħajr ħlas.”