Madwar tletin persuna, vittmi tal-vizzju tad-droga ser jibbenefikaw minn immodernizzar tal-kmamar wara li tul dawn l-aħħar xhur sar investiment estensiv fi ħdan il-Komunità Santa Marija.
Waqt żjara fil-komunità mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon ġie spjegat kif ir-residenza toffri tliet fażijiet; dik ta’ evalwazzjoni u stabilità, fażi terapewtika u l-aħħar fażi ta’ integrazzjoni lura fis-soċjetà.
Ir-residenza tħares li tgħin lill-vittmi mill-bidu sal-aħħar u saħansitra tara li titratta l-għeruq tal-vizzju fejn il-klijent jitgħallem josserva r-regoli u jagħraf il-konsegwenzi permezz ta’ terapija kollettiva u individwali.
Il-Manager tal-Komunità Santa Marija, Thomas Galea spjega: “Hawnhekk l-objettiv mhux biss li jiefqu jużaw id-droga n-nies imma wkoll li jaħdmu fuqhom infushom, li jaħdmu fuq il-karattru tagħhom u fuq l-imġiba biex jinbidlu.”
Il-Ministru Falzon faħħar ix-xogħol ta’ rinovar li twettaq fi ħdan ir-residenza u stqarr li l-ġustizzja soċjali għandha ssir ma’ kullħadd, anki ma’ dawk li żbaljaw iktar minn darba konsegwenza tal-vizzji tagħhom.
Huwa stqarr: “Huwa dover tagħna li ninkludu lil dawn in-nies, li nżommuhom fil-komunità kemm jista’ jkun. Ngħinuhom joħorġu mid-diffikultajiet illi għandhom u nappellalhom biex is-soċjeta qed tagħtihom ċans ieħor biex huma mbagħad jieħdu dak iċ-ċans u jimxu l-kumplament tal-ħajja tagħhom ‘il bogħod minn kwalunkwe addizzjoni.”
L-akbar xogħol infrastrutturali li sar bħala parti mir-rinovar kien propju għall-fażi aħħarija tal-programm ta’ rijabilitazzjoni fejn tpoġġiet għamara, kċina u gym ġdid fost oħrajn.
Dan bil-għan li tissaħħaħ din il-fażi kruċjali tat-terapija li tibni r-reżiljenza tal-persuni vittmi.
Il-Ministru Falzon tenna li l-Gvern se jibqa’ jassisti l-organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu fil-qasam tal-vizzji kif ukoll iżid l-investiment finanzjarju biex jibqa’ jingħata l-aqwa servizz.