Ftit aktar minn ħmistax-il siegħa wara nirien qawwija qabdu f’din ir-residenza ġewwa Ħal Luqa u komplew jinfirxu fid-djar biswit din id-dar, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu għadhom qed jissieltu ma’ dawn in-nirien qawwija li ma riedu jieqfu b’xejn. Il-familjari ta’ dik il-familja li primarjament intlaqtet minn dawn in-nirien iħarsu b’dispjaċir lejn dak li fadlilhom.
Is-17 ta’ Novembru tal-2018. Ġurnata li l-familja Theuma, familja maħbuba b’qalb kbira żgur ma tridx tibqa’ tiftakar.
Is-sisien ta’ din il-familja, il-missier u l-omm ġew salvati minn ħalq il-mewt wara li nirien qawwija qabdu fil-garaxx u baqgħu jinfirxu mad-dar kollha fi Triq Wesgħet il-Vittmi tal-Gwerra.
Apparti dawn iż-żewġ anzjani ta’ wieħed u sebgħin sena, anzjan ieħor ta’ disgħin sena ttieħed l-isptar ukoll.
Dan l-istazzjon huwa infurmat li r-raġel ta’ 71 sena, dilettant tal-presepji u li kien fil-garaxx fejn qabad in-nar, sofra minn ġrieħi gravi kawża tal-ħruq u d-dħaħen.
Sorsi qrib ONE News qalu li n-nirien aktarx ħadu minn presepju kbir li kien madwar il-garaxx kollu.
Sharon Magro li toqgħod kantuniera ‘l bogħod, irrakkuntat it-traġedja li rat quddiemha sa mill-ewwel minuti li qabdu n-nirien.
Spjegat li “U ħriġna niġru u rajna traġedja kbira, inżilna nagħtu l-għajnuna. Bdejt intihom il-kafè minħabba l-qtajja’ lill-familjari u hekk. Tar-rescue daħlu mid-dar biex jippruvaw isalvaw lil mara imma mid-dar tiegħi ma rnexxiex u bqajna nippruvaw ngħinu sal-aħħar, il-pumpieri ma waqfux u non-stop hu.”
Hija spjegat li sas-sitta ta’ filgħaxija, ftit aktar min-nofs siegħa wara li qabdu n-nirien, il-mara biss kienet għadha maqbuda.
Hawnhekk il-pumpiera kienu qed jissieltu man-nirien b’qilla liema bħalha meta f’daqqa waħda seħħet splużjoni li l-kameras ta’ ONE News qabdu b’mod dirett u drammatiku.
Hawnhekk deher evidenti li l-operazzjoni biex tiġi salvata l-mara kienet ferm delikata.
Fl-istess waqt wieħed minn uliedha beda b’kuraġġ ta’ sur iżomm sod lil ommu li kienet f’kuntatt miegħu fuq il-mobile.
Sharon Magro żiedet tgħid li l-mara ġiet salvata mill-bitħa wara li bdiet titlob għall-ajjut.
Spjegat kif “Aħna kull ma smajna lil mara biex tgħajjat għall-għajnuna minn ġol-bitħa, għax kienet magħluqa ġol-bitħa, minħabba n-nirien, dak biss kull ma smajna.” “Jiġifieri inti smajta mid-dar tiegħek?” “Minn fuq il-bejt iva smajniha biex ngħinuha, ħalli ntuwha l-għajnuna.”
Il-mara ħarġet mgħejjuna minn membru tal-protezzjoni ċivili liebsa jersey aħmar u bil-mobile f’idejha u tgħabbiet fuq strecher għal fuq l-ambulanza.
Sadanittant il-Ħadd filgħodu fuq il-post deher il-Perit Richard Aquilina jispezzjona l-infrastruttura tad-dar.
Membri tal-protezzjoni ċivili telgħu sa fuq il-bejt jaraw il-ħsarat estensivi u l-Perit qal lil dan l-istazzjon li d-dar għadha tinsab f’periklu.
Dan filwaqt li l-erba’ ulied tal-familja dehru b’għajnejhom miksura jħarsu lejn id-dar li fiha trabbew.
Propju dwar dan il-każ li ġibed l-attenzjoni ta’ bosta, il-Każin tal-Banda Unjoni f’Ħal Luqa beda b’inizjattiva biex jgħin lill-familja u lir-raġel li nzerta huwa l-President onorarju ta’ din is-soċjetà mużikali.
Ciappara spjega kif “Fil-każin qed nagħmlu ġabra għal din il-familja.” “Kif sejrin?” “Vera b’daqshekk m’aħna se nagħmlu xejn speċjali pero jekk dak li jkun ifhimni jgħin, kulħadd. Dan m’hemmx għalfejn ikun persuna jew oħra, kull għajnuna tgħodd.”
ONE News huwa infurmat li anki l-Gvern għamel kuntatt mal-familji milquta biex jingħataw l-għajnuna permezz t’akkomodazzjoni temporanja.
Fuq kollox għalkemm matul il-jum tal-Ħadd spikkat id-dieqa u s-silenzju għajr ir-raxx tal-ilma li kien għadu qed jitfi dawk in-nirien li qerdu d-dar, spikka l-kumment ta’ Sharon li temmet hekk l-intervista tagħha magħna.
Magro qalet li “Familja mill-aħjar u nies sew u li jixraqilhom ġid u għajnuna kbira għax jagħmlu mill-aħjar ma’ kulħadd.”