Ilbieraħ komplew ir-reazzjonijiet internazzjonali dwar il-ftehim tal-waqfien mill-ġlied fil-Libanu bejn Iżrael u l-Hezbollah hekk kif residenti tan-Nofsinhar tal-Libanu bdew jirritornaw lura lejn darhom wara li dawn kienu sfaw evakwati minħabba l-ġlied. Rapporti qalu li eluf irritornaw lura fil-belt Lebaniża ta’ Tyre inkluż l-armata.
Il-ftehim, li kien innegozjat mill-Istati Uniti u Franza u approvat minn Iżrael tard it-Tlieta filgħaxija, qed jitlob għal waqfien mill-ġlied inizjalment għal xahrejn u jirrikjedi li l-Hezbollah jirtira l-armata tiegħu min Nofsinhar tal-Libanu. Min naħa l-oħra t-truppi Iżraeljani huma obbligati li jirritornaw lejn in-naħa tagħhom tal-fruntiera.
Skont uffiċjali Lebaniżi aktar minn 3700 ruħ sfaw maqtula fl-attakki intensivi ta’ Iżrael fil-maġġor parti ċittadini. Rapporti lokali qalu li fin- naħa ta’ Iżrael inqatlu aktar minn 130 persuna.
Ilbieraħ Franza emfasizzat ir-rwol tagħha f’dan il-ftehim hekk kif il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Jean Noel Barrot qal li l-ftehim ma kienx ikun possibbli li mhux għar-relazzjoni speċjali li għandhom mal-Libanu. Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Keir Starmer qal li kien missu ilu li ntlaħaq dan il-ftehim u li dan juri li d-diplomazija tista’ tirbaħ anke fl-aktar ċirkustanzi ta’ sfida.
Il-kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż Mao Ning qal liċ-Ċina tilqa’ il-progress li sar iżda saħqu li hemm bżonn isir aktar xogħol sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied komprensiv u dejjiemi f’Gaza kemm jista’ jkun malajr.