B’għotja ta’ €303,000 mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-kommunità Franġiskana rrestawrat l-kunvent tagħha fil-Belt Valletta, biex tibda toffri appoġġ lil nies vulnerabbli fost oħrajn b’ikla bnina kuljum.
Fr Marcellino Micallef stqarr: “Dan huwa proġett ħolistiku, se noffru wkoll diversi servizzi ta’ għajnuna psikoloġika, anke ta’ hairdressers, anke showers għal dawn in-nies u anke nippreparawhom sabiex uħud minnhom ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Il-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia qal kif dan il-fond qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li se jkollhom ħajja aħjar permezz ta’ dan il-proġett.
Huwa sostna: “Permezz tad-Development Planning Fund, il-Planning Authority issussiddjat ammont mill-ispejjeż illi kien hawn bżonn biex dan il-post imbiddel f’wieħed li jilqa’ lil dawn in-nies, imma wkoll qed tħares lejn proġetti oħra ta’ postijiet sportivi jew inkella dawk ambjentali biex b’hekk inkomplu ngħinu lill-komunità tal-madwar.”
Iċ-Chairperson ta’ dan il-fond Vincent Cassar qal li permezz ta’ dan il-proġett se tingħata dinjità lil nies vulnerabbli: “Hawnhekk hawn ġojjel. Huwa post li nbena fl-1880 u allura huwa parti mill-Belt oriġinali u allura meta wieħed jara r-restawr li sar ikun ferm kburi wkoll u għalhekk stajna nikkontribwixxu wkoll għal dik li hija storja tal-post.”