Il-komunita artistika tinsab maħsuda bl-aħbar tal-mewt tal-artist u mużiċist żgħażugħ Andrew Schembri.
Il-kitarrist popolari tal-grupp ‘Brikkuni’ miet ilbieraħ filgħaxija f’inċident f’San Pawl il-Baħar, fl-età ta’ 29 sena.
L-aħħar serata li ħa sehem fiha mal-‘Brikkuni’, li ngħaqad magħhom fl-2018, kienet għaxart ijiem ilu.
Il-ħila artistika tiegħu kienet timraħ ukoll f’installazzjonijiet ta’ dawl.
Il-familja tiegħu stqarret li tinsab ixxukkjata ferm bil-mewt ta’ Andrew, li kien l-iżgħar minn fost tliet aħwa.
Kienu bosta l-artisti li sellmu lil Schembri, li ġie deskritt bħala bniedem maħbub minn kulħadd, intelliġenti, u kreattiv.