Hu fatt magħruf li f’Malta, meta jkollok żewġ parroċċi u aktar f’lokal wieħed, teżisti kompetizzjoni bejniethom. Anke fejn hemm parroċċa waħda, imma b’iżjed minn għaqda waħda, dan żviluppa mal-milja taż-żmien.
Spiss, iżda, l-entużjażmu ċelebrattiv wara stennija ta’ sena, fil-festi ma tonqosx il-pika bejn gruppi opposti.
Hekk kif il-banda tieqaf u l-miġemgħa tistenna b’ħerqa l-marċ li jmiss, erħilu xi ħadd jerfa’ fuq l-idejn lil xi partitarju li, b’idejn miftuħin, jibda jħanġar minn fommu vrus li jfaħħru l-istess festa jew isib id-difetti f’tal-oħrajn.
Dwar dan tkellimna ma’ żewġ esponenti li huma intiżi sew f’dawn it-tip ta’ ċelebrazzjonijiet u l-istorja tagħhom.
Brian Bonnici, magħruf li għandu għal qalbu l-kultura Maltija, spjegalna li l-piki u taqbiliet jitwieldu minn differenzi li jeżistu bejn għaqdiet fl-istess lokalitajiet.
Qal, “Ċerti taqbiliet jitwieldu minn ċerti fatti li kienu jiġru fil-festa. Għaddejjin b’marċ, bi żball taqagħlhom l-istatwa, inkisritilhom, din tispiċċa xi ħaġa li tkun rikkurenti kull sena, għax jgħidu kull sena li l-istatwa tagħkom spiċċat bla ras.”
Tal-istess fehma kien Mario Coleiro, ukoll espert fil-kultura Maltija. Hu spjegalna li l-bniedem minnu nnifsu hu kompettiv, allura f’kulma jagħmel, dejjem irid jipprova itejjeb u jkun aħjar minn ħaddieħor.
Hawn anke spjega minn fejn bdiet it-tradizzjoni tal-kompetizzjoni fil-festa Maltija, li tmur lura saħansitra sa minn meta bdew il-fratellanzi.
Qal, “Inti l-fratellanza jkollha l-qaddis, ikollha l-artal fil-Knisja, imbagħad issir il-vara. La nagħmlu l-vara, nagħmlu l-purċissjoni, la nagħmel il-purċissjoni noħroġ barra u nżejjen it-toroq u nwaqqaf il-banda wkoll. Allura bejn fratellanza u oħra kien ikun hemm naqra kompetizzjoni min se jkun l-aħjar, xi kultant kienu jikkompetu mat-titular.”
Iżda mhux biss, għax fi kliem Coleiro, kien hemm il-qasmiet interni fil-każini tal-baned, li wkoll wasslu biex titwieled banda ġdida. Dan iwassal biex, waqt xi taqbila jew oħra, jintuża dan il-fatt ukoll.
Anke Bonnici jtenni kif ċirkostanzi sfortunati wkoll wasslu għal botti simili fil-festi.
Qal, “Baned, li forsi kellhom surmast li ma jarax sewwa jew għama, allura jispiċċaw jgħajru, bil-banda l-oħra tgħajjar il-banda l-oħra bid-difett tagħha tas-surmast, jew tal-President.”
Iżda din il-kompetizzjoni bejn il-festi hija xi ħaġa tajba jew ħażina? U llum hi relevanti iżjed mill-imgħoddi jew viċi versa?
Qal, “Din il-kompetizzjoni kibret ħafna u, sfortunatament, f’ċerti postijiet spiċċat pika u rivalità. Hemmhekk il-ħażin. Għax meta bniedem jikkompeti, jikkompetti biex itejjeb. Meta qed jimpika, imbagħad, jibda jagħmel ċerti affarijiet li ma jkunux daqshekk tajbin.”