Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni talbet biex l-akkużi fil-konfront ta’ Andres Leonardo Gamboa Duran, il-Kolumbjan ta’ 43 sena miżmum dwar is-sejba ta’ katavru mqatta’ f’bagalja ’l barra mix-xatt tal-Gżira, jinkludu wkoll ir-reat tal-omiċidju.
Dan l-iżvilupp seħħ hekk kif fil-Qorti l-Ħamis filgħodu kompliet bil-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Kolumbjan, li baqa’ jinżamm arrestat b’rabta mas-sejba makabra f’Diċembru li għadda.
Eżatt wara s-sejba, ONE News kien żvela kif il-Kolumbjan suspettat kien xtara mannara minn ħanut fin-Naxxar u li aktarx intużat fid-delitt, kif ikkonfermat sussegwentement mill-Pulizija.
Il-vittma f’dan l-omiċidju hu wkoll Kolumbjan, identifikat bħala Raul Eduardo Rei, li mill-awtopsja nstab li kellu l-istonku tiegħu mimli b’kapsoli tad-droga.
Fi tmiem is-seduta tal-Ħamis, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, iddikjarat li hemm biżżejjed provi fil-konfront tal-akkużat biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża u dan ifisser li Gamboa Duran se jgħaddi ġuri.