Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, id-dilettanti tal-mudelli tal-karozzi għandhom iċ-ċans iżuru wirja li żgur tinżlilhom għasel.
Dan hekk kif irritornat dik li hija meqjusa bħala l-ikbar wirja ta’ mudelli tal-karozzi f’pajjiżna.
Dawk li se jattendu se jaraw varjetà ta’ mudelli die-cast ta’ trasport minn kull ġeneru li jvarjaw minn karozzi tat-triq, karozzi tal-pulizija, vetturi kummerċjali u tal-kostruzzjoni, karozzi ta’ ditti magħrufa bħal Mercedes, Ford, Rolls Royce u Ferrari, karozzi minn films fosthom minn dak ta’ James Bond u Batman, vannijiet, kowċis u ħafna oħrajn li jvarjaw fuq skali differenti.
Fost l-1,800 mudell differenti, tispikka kollezzjoni ta’ karozzi tal-għamla Mercedes.
Tkellimna ma’ Sunny Fenech, li minn ta’ età żgħira beda jikkollezzjona mudelli ta’ karozzi ta’ kull tip.
Qal, “Il-ġenituri jibdew jixtrulek dawn il-karozzi żgħir, u as you go along dejjem tibda tkabbar il-kollezzjoni, tibda tħares lejn karozzi li għandhom ċertu valur jew preġju, u tibda minn hemm in-namra.”
Sunny Fenech stqarr li waħda mill-aktar mistoqsijiet li jaffaċċja bħala kollezzjonist hija fejn iżomm dawn il-mudelli.
Qal, “Bażikament, bħalissa qegħdin kollha ġol-kaxxi tagħhom. Ovvjament il-kaxxi tagħhom huma importanti daqs il-mudell, huwa parti mill-valur ukoll.”
Din il-wirja qed tiġi organizzata mid-Die Cast & Scale Model Society fis-sala ewlenija tal-iskola Primarja ta’ Santa Venera.
Qal, “Matul il-pandemija kellna nieqfu norganizzaw din l-attività, biss min-negattiv, ħareġ il-pożittiv li hemm il-ħeġġa u l-grinta sabiex inkomplu norganizzaw dan it-tip ta’ attivitajiet. Fil-fatt din is-sena għandna 7 esebituri ġodda li 3 minnhom huma tfal ta’ età żgħira.”
L-appell huwa biex dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew jikkolezzjonaw il-karozzi, jersqu ’l quddiem.
Qal, “Mhix xi ħaġa ta’ diżunur jew kif ħafna hawn jgħidu li huwa ġugarell, mhuwiex ġugarell. Dawn biż-żmien, ċerti mudelli jżidu l-valur tagħhom, għalhekk nara dan bħala investiment.”
Il-wirja qed tfakkar il-memorja ta’ tliet eks membri tal-għaqda li mietu fl-aħħar sentejn.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sat-tlettax ta’ Diċembru.