Bħala parti miż-żjara tagħha fl-Emirati Għarab Magħquda, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, indirizzat attività organizzata għall-komunità Maltija ġewwa Dubai, fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali ta’ Malta.Il-President Coleiro Preca qalet li ż-żjara lejn il-UAE, għandha l-għan li tkompli tikkonsolida, “r-relazzjonijiet eċċellenti tagħna bejn il-gvernijiet, l-awtoritajiet u anke bejn is-setturi privati kemm ta’ Malta kif ukoll tal-Emirati Għarab Magħquda,” filwaqt li tenniet li l-parteċipazzjoni ta’ Malta, fis-CityScape Global Expo, fuq inizjattiva ta’ Property Malta, il-laqgħa pożittiva ma’ Emirates Airlines, u ż-żjara fil-Fondazzjoni ta’ Dubai għan-Nisa u t-Tfal, kienu leħqu dan l-għan – konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet eċċellenti li diġà huma preżenti, u l-ħolqien ta’ koperazzjoni tanġibbli.
“L-għaqda: valur essenzjali, li għandu jinqasam mal-ġnus kollha”
Il-President Coleiro Preca wasslet l-awguri tagħha, f’isem il-poplu ta’ Malta, lill-poplu tal-Emirati Għarab Magħquda, fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mit-twelid tal-fundatur tal-pajjiż, Sheikh Zayed, u qalet li ħafna mill-valuri li kien jippromovi Sheikh Zayed, jiriflettu l-impenn ta’ Malta jiġifieri, biex tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni ta’ nies ta’ kull età, sess, etniċità, u reliġjon, fis-soċjetajiet rispettivi tagħna.
Il-President ikkwotat lil Sheikh Zayed, li qal li, “Is-snin tal-imgħoddi enfasizzaw l-importanza tal-għaqda bħala rekwiżit kruċjali sabiex tiġi pprovduta ħajja aħjar lill-poplu, biex tiġi assigurata l-istabilità fil-pajjiż u biex it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu tagħna, jsiru realtà”, u żiedet li hi taqbel ħafna ma’ din id-dikjarazzjoni ta’ ispirazzjoni.
“Nemmen li l-ħbiberija qawwija li teżisti bejn il-popli tal-Emirati Għarab Magħquda, u Malta, hija eżempju ħaj għal popli oħra, fir-reġjuni rispettivi tagħna u lil hinn.”
Il-President qalet li l-kollaborazzjoni reċiproka, ir-rispett u l-fiduċja jirriżultaw f’benefiċċji li jistgħu jitgawdew minn kulħadd.
Il-President Coleiro Preca raddet ħajr lid-dijaspora Maltija ġewwa Dubai, li tammonta għal kważi 1,500 persuna, mhux biss talli qed jikkontribwixxu għall-prosperità tal-UAE, iżda wkoll għaliex qed jgħinu fit-tisħiħ tal-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li rringrazzjatom talli qed jagħtu viżibilità pożittiva lill-gżejjer Maltin.
Hija rringrazzjat ukoll lir-rappreżentanza diplomatika Maltija ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda, għall-ħidma kontinwa, sabiex ħutna Maltin u l-Għawdxin jibqgħu f’kuntatt ma’ art twelidhom.
Mil-lat kulturali, il-President qalet li qed tistenna bil-ħerqa l-wirja ntitolata “Sheikh Zayed u l-Ewropej”, li fiha ser jkun hemm ukoll ritratt tal-eks-Prim Ministru ta’ Malta, Dom Mintoff, waqt laqgħa li hu kellu ma’ Sheikh Zayed fl-1978 – prova oħra tal-ħbiberija dejjiema bejn in-nazzjonijiet tagħna.
“Jiena kburija ngħid li ċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali ta’ Malta, hija wkoll ċelebrazzjoni tal-valuri li jiddefinixxu lilna, bħala l-poplu tal-Gżejjer Maltin.”
Il-President Coleiro Preca qalet li l-valuri ta’ reżiljenza, s-sens ta’ determinazzjoni tagħna biex nirnexxu u negħlbu l-isfidi, flimkien mal-ispirtu ta’ solidarjetà, huma parti mill-legat, li ħallewlna ommijietna u missirijietna – legat li jgħaqqadna mal-poplu tal-UAE.
“Nittama li dawn il-valuri jkomplu jiggwidawna, bħala nazzjon Malti, fil-mixja tagħna għall-paċi, l-prosperità u l-wellbeing, għall-benefiċċju tal-popli tagħna, fil-preżent u fil-futur”, ikkonkludiet il-President.