Minn Jannar sal-aħħar t’Awwissu ta’ din is-sena, il-Pulizija Maltija għamlet diversi qabdiet rekord tad-droga.
Il-kokaina hija l-aktar tip ta’ droga li nstabet mill-Pulizija sa issa din is-sena, frott qabdiet rekord li saru fil-Port Ħieles.
Fil-fatt, fl-ewwel tmien xhur tas-sena nqabdu kważi seba’ mija u ħamsin kilogramma ta’ droga kokaina.
Fl-istess perjodu, saru wkoll qabdiet ta’ sebgħa u tletin kilogramma ta’ ħaxixa tal-kannabis, għoxrin kilogramma oħra ta’ reżina tal-kannabis, u tlieta u sittin gramma ta’ eroina.
L-Ispettur Justine Grech, mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fissret iċ-ċifri f’din l-istatistika.
Qalet, “L-istatistika turi li l-iktar droga li nqabdet kienet il-kokaina. Jirrifletti dan minħabba l-qabdiet kbar li kien hemm il-Freeport, b’hekk forsi l-istatistika turi li hemm distakk bejn droga oħra. Il-European Drug Report li huwa maħruġ mill-European Monitoring Centre for Drug and Drug Addiction, juri li d-droga kokaina hija t-tieni l-iktar droga komuni li hija kkunsmata, għaliex l-iktar droga komuni hija d-droga kannabis.”
L-ispettur spjegat x’jiġri mid-droga li tinstab f’dawn il-qabdiet.
Spjegat, “Meta jkollna qabdiet bħal dawk tiġi distrutta fil-preżenza u fid-direzzjoni tal-Qorti kif ukoll fil-preżenza tal-Pulizija u kollox ikun video recorded. F’affarijiet per eżempju meta jkun hemm qabdiet ta’ persuni jitressqu l-Qorti, din tiġi preżentata l-Qorti bħala evidenza imbagħad meta jinqata’ l-każ, il-Qorti tordna d-distruzzjoni tagħha.”
Hija qalet li l-qabdiet rekord li saru din is-sena huma frott kooperazzjoni sħiħa bejn l-awtoritajiet lokali u barranin, u anki żieda fir-riżorsi – speċjalment umani, fil-Korp Malti.
Qalet, “Il-kooperazzjoni tal-Pulizija u x-sharing of information ma’ stakeholders kemm barranin u kemm lokali, meta inti taħdem partnership tajjeb kemm ma’ Pulizija barra minn Malta u mal-awtoritajiet Maltin, ħa twassal għal riżultati tajbin.”