Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, ġie lliberat minn kull akkuża li 11-il sena ilhu pprova jiffroda lil Casino Di Venezia. Muscat kien ġie akkużat fil-Qorti li mingħajr ma kiseb l-ebda awtorizzazzjoni, uża l-kodiċi ta’ persuni oħra tas-sistema tal-casino, u li xaħħam lill-kuppier fil-Casino Di Venezia biex juża karti u dati mmarkati filwaqt li kien riċediv.
Kien lura fl-2007 li l-Pulizija bdiet tinvestiga rapport ta’ allegat frodi fil-konfront tal-Casino di Venezia.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, intqal kif Brian Dingli, kuppier, kien ġie mħajjar sabiex jirranġa l-karti tal-logħob f’sekwenza, li għamel kuntatt ma dawk li jilgħabu online u jinformahom is-sekwenza tal-karti li jkun imiss. Dan kollhu kien issir minn kont li kien ta’ Joseph Buttigieg.
Fil-Qorti ntqal kif l-Ufficjali tal-Casino Di Venezia kienu qabdu lil Dingli minn fuq kameras tas-sigurtà, fejn deher li hu ma kienx iħawwad il-karti kif suppost jagħmel, itella’ fuq il-mejda aktar karti tal-logħob, jaħbi jdejh taħt il-mejda, u eventwalment anke juża l-mobile. Huwa ammetta l-involviment tiegħu f’dan il-frodi.
Il-Pulizija kienu wasslu għal Vince Muscat u Brian Dingli wara li Jospeh Buttigieg ammetta li għadda l-password liż-żewġ imputati.
Il-Qorti qalet li dwar l-involviment ta’ Muscat, ma tistax toqgħod fuq l-istqarrija ta’ Buttigieg, u għalhekk din ma’ tistax titqies bħala prova kontra l-imputat.