Vince Muscat magħruf bħala l-‘Koħħu’, wieħed mit-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, waqqa’ l-appell biex jikkontesta deċiżjoni tal-Qorti kriminali li rrifjutat mija u tmintax-il eċċezzjoni li ppreżenta l-akkużat.
L-appell kien mistenni jinstema’ aktar kmieni l-Erbgħa filgħodu iżda Muscat qal lill-Qorti li kien se jwaqqa’ dan il-każ t’appell.
Din id-deċiżjoni mhux mistennija jaf tissuġġerixxi li Muscat mhuwiex lest jikkontesta l-każ tal-prosekuzzjoni fil-konfront tiegħu.
Osservaturi fil-Qorti qalu li din id-deċiżjoni jaf ikollha riperkussjonijiet fuq il-każ tat-tlett irġiel mixlija bil-qtil kif ukoll potenzjalment fuq il-każ tal-allegat mandant tal-qtil, Yorgen Fenech.
Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti pposponew is-seduta għal April li ġej.