“Robert Agius u Jamie Vella kellhom rabtiet mal-Italja u kienu jitilgħu kull xahar.”
Hekk qal Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu hekk kif xehed fil-każ kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż. Dawn qed ikunu mixlija b’akkużi marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
Vincent Muscat spjega kif Robert Agius u Jamie Vella kellhom il-ħbieb l-Italja. Dan meta kien qed ikun mistoqsi dwar il-bomba u minn fejn din inġiebet. Muscat reġa’ spjega kif il-bomba kienet tidher li nħadmet barra.
F’seduta li fiha x-xhud irrepeta ħafna minn dak li xehed waqt il-kumpilazzjoni fil-każ kontra l-aħwa Degiorgio, Vincent Muscat spjega aħjar skont dak li kien jgħidlu Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu, minn fejn allegatament kien iġibilhom l-informazzjoni Chris Cardona. Madankollu, ħafna mill-ismijiet ma jistgħux jissemmew fuq ordni tal-Qorti.
Huwa ġie mistoqsi għaliex l-aħwa Agius tal-‘Maksar’ kienu jmorru fit-tinda tal-patata. Muscat spjega li minn hemm kien hemm veduta tajba tal-katamaran bejn Malta Sqallija. Huwa qal li forsi kienu jmorru hemm minħabba xi droga.