L-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia permezz ta’ sparatura kien se jsir f’Awwissu tal-2017 iżda l-pjan kien abbandunat fl-aħħar mumenti minħabba xi problemi fil-karozza li kienu se jaħarbu biha.
Fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni kontra n-negozjant Yorgen Fenech, Vince Muscat magħruf aħjar bħala l-Koħħu rrakkonta l-episodju meta hu flimkien ma’ Alfred Degiogio, il-Fulu kienu fl-għalqa l-Bidnija fejn kellhom veduta ċara ta’ Caruana Galizia taħdem fuq il-laptop tagħha.
Muscat spjega li kien Degiorgio li kien se jisparalha permezz ta’ pistola li kienet qed iserraħ fuq xkejjer tal-ħamrija.
George Degiorgio, iċ-Ċiniż kien infurmahom ukoll li fil-viċinanzi kien hemm diversi karozzi tal-pulizija.
Vince Muscat kompla jispjega li ċ-Ċiniż dejjem ipprefera pjan li fiha juża bomba biex joqtolha għaliex kienet tinvolvi inqas kumplikazzjonijiet.
Hu qal li kien saqsa lil Robert u Adrian Agius, l-aħwa tal-Maksar u lil Jamie Vella sabiex ifornu l-isplussiv. Bomba li kienet importata u kellha ħames mitt gramma ta’ ġelatina.
Fil-Qorti stqarr li kienu jagħmlu użu ta’ tromba b’saħħitha biex josservaw id-dar ta’ Caruana Galizia minn diversi postijiet u saħansitra kienu jsusu warajha f’ħanut fin-Naxxar li kienet iżżur regolarment.
Vince Muscat qal li kien hemm pjan biex jitfgħu l-bomba fil-karozza ta’ Caruana Galizia matul in-Notte Bianca iżda dan ma sarx biex imbagħad fil-15 ta’ Ottubru nnutaw li l-karozza tagħha kienet ipparkjata barra.
Hu xehed li l-għada tal-assassinju hu saq lill-Fulu lejn Marsaskala fejn kellhom jiġbru mija u għoxrin elf ewro, liema ammont inqasam bejn tlieta. Dan filwaqt li tletin elf ewro tħallsu meta sar il-pjan tal-assassinju.