Il-Koalizzjoni għal Għawdex, magħmula minn tliet għaqdiet ambjentali fil-gżira, esprimiet id-diżappunt sħiħ tagħha dwar l-involviment tal-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista Alex Borg fil-proġett ta’ Forti Chambray.
Fi stqarrija, l-għaqdiet Din l-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix u Wirt Għawdex qalu li huma sorpriżi kif id-Deputat tal-Oppożizzjoni kien minn ta’ quddiem nett biex jippromwovi dan il-proġett fuq diversi pjattaformi, fosthom il-midja soċjali, podcasts u t-televiżjoni, fejn għamel diversi dikjarazzjonijiet żbaljati u anke gideb sfaċċat.
L-NGOs jagħmlu referenza partikolari għall-aktar dehra riċenti f’podcast fejn Borg iddedika nofs siegħa kompletament għall-iżvilupp li għaddej fil-fortifikazzjoni storika.
Il-Koalizzjoni għal Għawdex iċċarat diversi punti żbaljati u mhux preċiżi minn Alex Borg, fosthom li l-Ordni ta’ San Ġwann uża l-Forti Chambray bħala villeġġjatura. Intqal ukoll li ħawwad id-dati meta beda jinbena l-forti, kif ukoll meta hu qal li, skont il-kuntratt, l-iżviluppaturi l-ġodda huma obbligati li jiftħu Forti Chambray għall-pubbliku jew li l-foss tal-Forti se jiġi rrestawrat u miftuħ għall-pubbliku.
L-għaqdiet tennew li Borg ukoll gideb dwar il-pjani ta’ rilokazzjonijiet varji kif ukoll meta insinwa li l-Batterija tal-Qbajjar, li hu sejħilha “torri” ieħor, kienet ingħatat lil xi entità fejn suppost kellha “tippriservaha”, iżda spiċċat abbandunatha … xi ħaġa li ntqal li mhijiex veritiera.
B’hekk fl-istqarrija ġie ċċarat kif il-Koalizzjoni għal Għawdex ħasset il-ħtieġa li toħroġ din l-istqarrija biex tirreaġixxi għall-informazzjoni żbaljata u l-gideb sfaċċat dwar it-tielet fażi tal-proġett ta’ Forti Chambray fejn id-dikjarazzjonijiet tad-Deputat Nazzjonalista issa laħqu livell li ma jistax jibqa’ jiġi injorat.