Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ dalgħodu sejjaħ konferenza stampa barra l-Parlament Malti fil-Belt Valletta u ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jipproponi lill-Gvern Malta sabiex jaċċerta li metodi differenti jiġu studjati sabiex ċittadini, speċjalment żgħażagħ, ikollhom l-għodda sabiex jevalwaw b’mod kritiku ġrajjiet kurrenti permezz ta’ prinċipji demokratiċi.
Il-konferenza stampa ġiet imsejħa f’lejliet il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ u matul din is-sena, it-tema ta’ din l-okkażżjoni hija propju il-kunċett ta’ ‘spazji sikuri’. Il-President tal-KNŻ Michael Piccinino enfasizza li din it-tema għandha tkun trattata permezz tal-edukazzjoni. Hu sostna li din hija opportunita’ biex l-awtoritajiet kompetenti jsejħu lill-istakeholders kollha sabiex jiġu diskussi u proposti komponenti ta’ edukazzjoni formali u mhux formali fil-Kurrikulum Nazzjonali. Dan il-pass għandu jindirizza dan in-nuqqas preżenti fis-sistema edukattiva permezz ta’ kumitat konsultattiv.
Dan il-kumitat għandu wara jiġi trasformat f’kumitat ta’ moniteraġġ li kontinwament jevalwa l-implimentazzjoni ta’ din l-inizzjattiva. Huwa fakkar li dan il-proċess għandu jieħu f’kunsiderazzjoni l-edukazzjoni tal-pubbliku ingenerali, speċjalment ġenituri sabiex jassigura li ż-żgħażagħ ikunu dejjem inqas influenzati minn elementi partiġġjani. Huwa rrimarka li l-KNŻ huwa lest sabiex jieħu dan is-suġġett ‘il quddiem premezz ta’ metodi demokratiċi possibli minħabba l-importanza ta’ dawn il-fatturi.
Piccinino żied billi qal li l-aħħar sena kienet waħda pjuttost pożittiva għaż-żgħażagħ Maltin bl-introduzzjoni tal-Vot 16, it-tnaqqas tal-eta’ tal-kunsens għall-eta’ ta’ 16 u bidliet leġislattivi li mistennija jseħħu dalwaqt, fosthom bidla fil-liġi tal-għaqdiet volontarji sabiex żgħażagħ ta’ 16-il sena jitħallew jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-demokrazija Maltija. Huwa qal ukoll li x-xogħol ta’ KNŻ bħalissa jinkludi evalwazzjoni mid-term ta’ Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ (2015-2019) u d-distribuzzjoni u l-implementazzjoni effettiva tal-Youth Goals tal-UE 2018.