Iċ-ċerman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà uża l-facebook biex jesprimi d-diżappunt tiegħu fil-konfront tal-Malta Football Association.
Bħalissa l-MFA qed tinvesti mal-miljun ewro biex tbiddel il-wiċċ tal-istadium, li fuqu jintlagħab il-maġġoranza tal-logħob tal-ogħla livell f’pajjiżna. Fosthom dawk tat-tim nazzjonali Malti. Scicluna qal li filwaqt li din hija aħbar pożittiva, hija wkoll aħbar li titfa’ iktar melħ fuq il-ferita. Dan għax għal dawn l-aħħar ħames snin, l-MFA u l-KNPD kienu l-qorti kontra xulxin f’każ ta’ aċċessibiltá.
“Għal dawn l-aħħar ħames snin l-MFA argumentat fil-qorti li mhix f’pożizzjoni finanzjarja li tonfoq €150,000 biex tgħamel il-faċilitajiet tal-‘west stand’ aċċessibbli għall-persuni bi problemi ta’ mobbiltà. Din l-attitudni turi nuqqas ta’ rispett lejn persuni bi problema ta’ mobbiltà u qed iċaħħadhom mill-aċċess għal din il-parti tal-istadium,” kiteb Scicluna.
Temm jgħid li l-Kummissjoni temmen li l-istadium nazzjonali għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd u kull inizjattiva biex titjieb il-kwalità għandha tħares ukoll l-ejn l-aċċessibbiltà.
Ta’ min jgħid li hemm partijiet oħra tal-grawnd li huma aċċessibbli. Iżda fil-passat ġieli sar l-argument li dawn mhux dejjem ikun miftuħa. Fost partijiet aċċessibbli hemm il-milennium stand li hi waħda mill-iktar sezzjonijiet tal-grawnd moderni.
Intant, f’dan l-aħħar proġett importanti l-MFA qed tbiddel il-wiċċ tal-grawnd wara 30 sena biex ikun tal-ogħla livell.
Ritratt: Facebook / MFA