Permezz ta’ digriet iffirmat mill-Isqfijiet Maltin, il-Knisja Maltija ddiżassoċjat ruħha mill-Komunità Ġesù Salvatur.
Dan wara li ħames xhur ilu, l-Arċidjoċesi ta’ Malta flimkien ma’ dik ta’ Għawdex waqfet kummissjoni biex tisma’ l-esperjenzi dwar din il-Komunità mingħand persuni li xtaqu jirrakkontawhom.
Id-digriet li nħareġ mill-Konferenza Episkopali Maltija jinnota għarfien żbaljat u mħawwad tat-tagħlim tal-Knisja. Qal kif din il-Komunità tagħti interpretazzjoni fundamentalista tal-Bibbja, li jwassal biex wieħed isaħħaħ ideat bi preġudizzji li jmorru kontra l-kelma tal-Evanġelju.
Hawn ġie ordnat ċar u tond li s-sarċerdoti u r-reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem f’laqgħat organizzati minn din il-Komunità u li l-laqgħat ta’ din il-Komunità ma jistgħux isru fi knejjes jew f’kull propjetà tal-Knisja.
Id-digriet jgħid ukoll li l-lajċi m’għandhomx jattendu l-attivitajiet organizzati minn din il-Komunità.
Il-Kurja qalet li kien x’kien il-ġid spitwali li seta’ ħareġ mill-Komunità, l-allegat abbuż psikoloġiku ma jistax jiġi ġustifikat.
Il-Monsinjur Hector Scerri, Teologu u President tal-Kummissjoni Dottrinali tal-Konferenza Episkopali Maltija, qal li f’dawn ix-xhur ġie studjat l-aspett teoloġiku, flimkien ma’ dak soċjoloġiku u psikoloġiku.
Huwa stqarr: “Anke l-aspett psikoloġiku, kif jiġu affettwati l-persuni li ħadu sehem fil-laqgħat, kif ġiet affettwata l-imġieba tagħhom. Il-Knisja li bħala omm ħanina, omm kollha ħlewwa qiegħda twaqqaf support team biex jgħin kull min għadda xi esperjenza ta’ uġigħ jew ġie affettwat ħażin minn xi kuntatt li kellu mal-Komunità Ġesù Salvatur.”
Din il-Komunità hija mmexxija minn Clyde Attard, li għaxar snin ilu kien wieħed mill-uċuħ prinċipali fil-kampanja ta’ kontra d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna.