L-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi Maltija jirreferi għall-artikli ppubblikati fil-midja f’dawn l-aħħar 48 siegħa dwar Dun Felix Cini, saċerdot ta’ nazzjonalità Maltija inkardinat fid-Djoċesi ta’ Grosseto, l-Italja. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li tqajmu, ġie kkjaraifikat dan li ġej:
1. Fl-2008, sar proċess kanoniku mis-Santa Sede li ddetermina li Dun Cini ma ngħatax il-piena li twassal għat-tkeċċija mis-saċerdozju u għalhekk jibqa’ saċerdot tal-Knisja Kattolika. Dan il-proċess sar wara li huwa għamel programm terapewtiku residenzjali ta’ sentejn fl-Italja.
2. F’Diċembru 2014, fuq talba mill-Isqof ta’ Grosseto, Dun Cini rritorna Malta biex jgħix ma’ u jieħu ħsieb lil ommu.
3. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, Dun Cini ma tħalliex jeżerċita l-ministeru tiegħu, la jkun f’kuntatt ma’ minuri u lanqas jaħdem fl-ebda parroċċa. L-arċipriet tal-parroċċa kien ukoll infurmat dwar dan.
4. F’xi okkażjonijiet, Dun Cini talab li jingħata l-permess li jikkonċelebra fil-Quddiesa. Dan ingħata biss f’ċirkustanzi partikolari bħalma huma funerali ta’ qraba u ġirien, u okkażjonijiet speċjali. L-aħħar Quddiesa li ħa sehem fiha bħala konċelebrant kienet f’Mejju 2018. Rapporti li Dun Felix Cini huwa saċerdot full-time huma foloz.
5. Is-Safeguarding Commission, li qed issegwi s-sitwazzjoni mill-qrib, bħalma tagħmel f’kull sitwazzjoni fejn jitqajjem kull tip ta’ tħassib, tħeġġeġ lil kull min jaf b’reat biex jirrapporta direttament lill-Pulizija. Kull min għandu xi tħassib dwar persuni involuti fil-Knisja jista’ wkoll jirrapporta lis-Safeguarding Commission fuq info@safeguarding.mt