Il-Kummissjoni Festi Parroċċa Santwarju tal-Madonna tas-Sacro Cuor se tkun qed tbiddel id-dawl tal-faċċata tal-Knisja Parrokjali.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.
Dan il-proġett se jsir permezz ta’ finanzjament mill-Fond ta’ Kontinġenza għall-Għaqdiet Volontarji.
Il-President tal-Kummissjoni Festi Stephen Buhagiar spjega kif din l-għaqda twaqqfet fis-sena 1993. Matul iż-żmien il-ħidma evolviet u nfirxet ukoll fuq l-armar tal-knisja fosthom anke restawr ta’ diversi opri li hemm fis-Santwarju.
Huwa spjega: “Kull dabra li kellna bżonn dejjem sibna biben miftuħa, permezz t’hekk jirnexxilna nagħmlu ċertu proġetti li huma ta’ fejn għall-parruċċjani tagħna. Aħna bħala għaqda voluntarja dejjem naraw kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn il-fondi u dan huwa każ partikolari.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rringrazzja lill-Kummissjoni Festi għax-xogħol siewi li twettaq fil-komunità filwaqt li kompla jispjega li l-volontarjat f’pajjiżna rnexxielu jibqa’ ħaj u jdakkar tant nies.
Huwa qal, “Qegħdin bil-fatti nuru kif bħala Gvern hemm committment li nkunu ta’ spalla għal dan is-settur, u meta jkun hemm din il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u dan is-settur, naraw illi s-settur jikber u jifjorixxi u jikseb ukoll riżultati importanti. Riżultati li fl-aħħar tal-ġurnata jħallu l-ġid u xi ħaġa pożittiva propju fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin Kollha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo qal li rridu nsarrfu dan il-kliem billi nkomplu nsostnu l-għaqdiet u jiġi faċilitat l-operat tagħhom is-sena kollha.