Il-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali ta’ Marija Bambina tan-Naxxar ġiet elevata għall-istat ta’ Kolleġġjata mill-Eċċellenza tiegħu Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna. Dan anke b’konsiderazzjoni għall-paroċċa li ħaddnet l-ewwel twemmin fil-gżejjer tagħna fejn anke l-motto tan-Naxxar huwa Prior Credidi: L-ewwel li emmen.
Din il-parroċċa kienet waħda mill-ewwel 10 parroċċi fil-gżejjer Maltin li kienet imniżżla fil-lista tal-parroċċi mill-Isqof Senatore De Mello, fl-1436. Taħtha kienu jaqgħu dawk li llum huma parroċċi għalihom huma nfushom: nirreferu għall-Mosta, Għargħur, Mellieħa u San Pawl il-Baħar. In-Naxxar illum jgħodd popolazzjoni ta’ madwar 17,000 ruħ.
Id-digriet inqara mill-Arcipriet Dun David Gauci fil-ħruġ tal-istatwa tal-Bambina min-niċċa fil-preżenza tan-Naxxarin fejn ġiet iċċelebrata din l-okkażjoni anke b’marċ mill-Banda Peace tan-Naxxar fost attendenza numeruża. L-Arċipriet tenna li dan huwa titlu li jfisser li aħna mhux biss għandna nifirħu bih għax għandna titlu iżda nwettquh fil-prattika speċjalment fil-ġranet tal-festa fejn pika żejda bejn partitarji ta’ każini differenti għandha tinqata’ darba għal dejjem u nifhmu x’aħna niċċelebraw. Tenna li mhux kemm int dilettant u kemm tarma u kemm tieħu sehem fil-festa, iżda kemm tirrispetta lill-proxxmu u twettaq azzjonijiet li juru l-fidi veru tagħna nisranija.