Il-knisja fi Sqallija kellha tiskuża ruħha mal-ġenituri ta’ grupp ta’ tfal wara li Isqof allegatament qalilhom li Santa Klaws ma jeżistix.
Midja Taljana tirrapporta li waqt attività reliġjuża l-Isqof qal ukoll li l-kostum aħmar li tradizzjonalment jilbes Santa Klaws kien magħżul mill-kumpanija Coca-Cola għall-pubbliċità.
Dawn il-kummenti tal-Isqof qajmu furur qalb il-ġenituri tant li d-djoċesi ta’ Noto kellha tagħmel apoloġija.
Id-Djoċesi qalet li jiddispjaċiha li ddiżappuntant liċ-ċkejknin u għamlitha ċara li l-intenzjonijiet tal-Isqof kienu differenti minn dak raportat.
Qalet ukoll li l-Isqof prova jislet it-tifsira vera tal-Milied u qalet li l-kummenti tiegħu kienu mmirati li jitfgħu dawl fuq l-istorja ta’ San Nikola li kien magħruf li jagħti r-rigali lil dawk anqas ixxurtjati u huwa l-ispirazzjoni wara l-figura ta’ Santa Klaws.