Atmosfera ta’ ferħ u sens ta’ kburija fost il-Mostin. Dan hekk kif nhar il-Ħadd il-Knisja imponenti tal-Mosta se tirċievi t-titlu ta’ Bażilika.
Ix-xewqa kienet ilha hemm biex dik li sa issa kienet Santwarju issa ġġorr it-titlu tant prestiġjuż ta’ Bażilika.
Fl-aħħar sigħat fil-Knisja tal-Mosta kien hemm attività ma taqta’ xejn, bin-nies li jaħdmu fil-Knisja entużjasti lkoll jippreparaw għaċ-ċerimonja pompuża tal-Ħadd.
Is-Sagristan Charles Schembri spjega t-tibdiliet strutturali li qed isiru fil-Knisja.
William Muscat li jaħdem qatigħ fil-paroċċa spjegalna l-proċess rigoruż li għaddiet minnu biex nhar il-Ħadd jinqara d-digriet tal-Papa biex il-Knisja tal-Mosta ssir bażilika minuri.
Ma’ dan l-istazzjon tkellem ukoll l-Arċipriet tal-Knisja tal-Mosta Dun Bastjan Caruana li magħna saħaq kif il-Vatikan studja bir-reqqa li l-liturġija espressa fil-Knisja Mostija taqbel mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan it-tieni.
Saħaq li dan it-titlu jitfa’ responsabilità akbar fuq il-fidili insara Mostin.
Ma setax jonqos li nkellmu wkoll lil Monsinjur Ġużepp Carabott, eks arċipriet li ħadem għal snin twal fil-paroċċa tal-Mosta u magħna saħaq fuq l-umiltà u kif li lil hinn mit-titli, il-Knisja tista’ tferraħ dawk l-aktar ċkejknin.
U filwaqt li l-Knisja tal-Mosta tkompli tħejji għal dan l-akbar avveniment fl-istorja kkulurita ta’ din il-paroċċa, is-sagristan li għomru u żmienu jaħdem il-Knisja stqarr is-sodisfazzjon tiegħu.