Għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi.
Dawn jagħmlu parti mill-71 proġett ta’ restawr attwalment f’idejn id-direttorat tar-restawr.
Il-knisja, iddedikata għall-Madonna tal-Ħniena tmur lura għal madwar l-1650 u qiegħda fuq sit fejn qabel kien hemm knisja oħra.
Din tal-aħħar, fil-fatt kienet il-post ta’ qima prinċipali fir-raħal ta’ Ħal Lew, raħal żgħir li kien bejn il-Qrendi u ż-Żurrieq u li hemm xi fdalijiet tiegħu.
Il-bini ta’ knisja ġdida probabbli sar minħabba li l-knisja kienet saret żgħira wisq għad-devoti Marjani.
Fuq barra, il-knisja għandha karratteristiċi interessanti u sbieħ li ġew miżjuda mal-istruttura ewlenija maż-żmien. Il-Knisja wkoll maż-żmien żidulha qanpiena.
L-ewwel fażi tar-restawr se tiffoka fuq il-parti ta’ barra, bl-intenzjoni li ma jibqax dieħel aktar ilma tax-xita fl-istruttura.
Ir-restawr fuq barra se jinkludi t-tneħħija bil-galbu ta’ materjal ibbażat fuq is-siment, il-bdil ta’ ġebel li huma deterjorati b’mod estensiv, il-konsolidazzjoni ta’ ġebel li qed ifarfar, tindif ġenerali tal-faċċata minn ħmieġ u depositi oħra li akkumulaw matul iż-żmien, u r-restawr tal-aperturi tal-injam preżenti.
It-tieni fażi mbagħad se tiffoka fuq ġewwa tal-binja fejn f’dan il-każ, ir-restawr se jara wkoll it-tneħħija ta’ saffi varji ta’ żebgħa li ġew applikati fuq il-ħitan ta’ ġewwa; bl-għan li jinstab x’kienet l-iskema ta’ kuluri oriġinali sabiex terġa’ tinżebagħ lura hekk.
Il-proġett mistenni jitlesta fi żmien għoxrin xahar.