Lejliet il-festa tal-Madonna tad-Duluri f’San Pawl il-Baħar, ġew inawgurati erba’ pitturi ġodda tal-artist Adonai Camilleri Cauchi, li se jiddendlu fil-Knisja tad-Duluri fl-istess lokalità.
ONE News tkellem mal-Kappillan Joseph Mamo, li spjega kif l-istil ta’ dawn il-pitturi se jikkumplimenta d-diversi fatturi tal-Knisja.
Fr Joseph qal, “Ġew inawgurati dawn l-erba’ pitturi li hawn warajja li jissimbolizzaw lil San Pawl, San Ġwanni l-Battista, Aaron u David li ser ikomplu jikkumplimentaw mal-pitturi li diġà saru f’din il-Knisja. Din il-Knisja li hija proprju fuq il-ġebla Maltija, però minn meta nħolqot din l-idea li jsiru diversi xbihat, qegħdin ikomplu jsebbħu dan it-tempju.”
Il-Kappillan spjega li minħabba li l-ġebla Maltija hija fattur dominanti fil-knisja, kien hemm bżonn li jiżdiedu l-installazzjonijiet artistiċi biex il-bini ma jidhirx vojt.
Huwa rringrazzja lill-erba’ familji minn San Pawl il-Baħar li kienu l-benefatturi ta’ dawn il-pitturi.
Deher ukoll li l-pitturi ntlaqgħu sew mill-komunità ta’ San Pawl il-Baħar, li f’jum il-festa tar-raħal, daħlu bi ħġarhom biex jaraw dan ix-xempju ta’ talent Malti li qed iżejjen il-knisja tagħhom.