L-Arċisqof Charles J. Scicluna għadda formalment il-propjetà tal-knisja magħrufa bħala l-Istitut Adelaide Cini f’Sta Venera liċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt, biex jitwaqqaf St Michael’s Hospice, l-ewwel kumpless state-of-the-art li se jipprovdi kura paljattiva komprensiva.
Iċ-ċerimonja nżammet fil-festa tal-Arkanġlu San Mikiel, il-Ħadd 29 ta’ Settembru, fl-istess bini li se jilqa’ l-ewwel pazjenti fi żmien sentejn, wara li jkun sar ix-xogħol meħtieġ ta’ rinovazzjoni. Diġà nbeda l-ġbir ta’ fondi għal dan il-proġett ambizzjuż u x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġej.
Il-propjetà tal-Knisja, li tinkludi l-bini eżistenti u l-ġonna jkopru medda ta’ 11,000 metru kwadru, għandha valur ta’ madwar €8 miljun filwaqt li ħafna iktar fondi huma meħtieġa biex dan il-kumpless jiġi rinovat fis-snin li ġejjin.
L-Arċisqof Scicluna qal li din l-inizjattiva kienet ispirata mis-Sena tal-Ħniena mnedija mill-Papa Franġisku fl-2015. “St Michael’s Hospice se jkun post fejn il-bieb tal-ħniena li ma jingħalaq qatt, li jfakkarna fil-ħniena tanġibbli t’Alla f’ħajjitna.” L-Arċisqof appella lill-poplu Malti biex ikun ġeneruż lejn dan il-proġett, li qal, hu tifkira f’waqtha għad-dritt tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt qalet: “L-istatistika hija numri imma hi magħmula minn persuni! Il-kanċer jaffettwa lil kull wieħed minn tlieta u f’Hospice Malta jiġu għandna 60 pazjent ġdid fix-xahar. Meta għandek il-maġġoranza tal-pazjenti li qed jieħdu l-kura u t-trattament tagħhom f’pajjiżna, hu ovvju li hem bżonn għal St Michael Hospice! St Michael Hospice hu neċessità li l-poplu Malti jistħoqqlu. Aħna determinati li nirrinovaw il-post għall-ogħla standards li jitqabblu mal-aqwa hospices barra minn Malta li żorna. Nafu li dan il-proġett mhuwiex sempliċi, imma nafu wkoll li nistgħu nserrħu fuq il-ġenerożità tal-poplu tagħna biex inwettqu din il-‘ħolma’ li l-maħbubin tagħna ħaqqhom.”
Permezz ta’ St Michael Hospice, Hospice Malta se testendi s-servizzi attwali tagħha fil-komunità għal 10,000 żjara lill-pazjenti u l-familji tagħhom. Bi spazju ikbar, il-kumpless se jkompli jespandi s-servizzi li jingħataw matul il-jum, minn 700 sessjoni għal aktar minn 2,000 sessjoni, kif ukoll jipprovdi terapiji u servizzi ġodda.
L-għan aħħari għat-titjib tas-servizzi ta’ kura paljattiva fil-komunità offruti mill-Hospice hu li jippermetti lill-pazjenti jibqgħu fi djarhom fl-aktar żmien vulnerabbli ta’ ħajjithom, waqt li jtaffilhom il-piż billi jevitalhom li jinżammu l-isptar għalxejn f’każijiet fejn is-servizz ta’ in-patient ikun għadu meħtieġ. St Michael Hospice se joffri wkoll il-faċilità ta’ taqsima in-patient għal dawn il-bżonnijiet.
Korsijiet edukattivi ta’ taħriġ għall-iżvilupp kontinwu u professjonali għall-istaff tal-Hospice u speċjalisti oħra fil-kura tas-saħħa se jingħataw mid-Dipartiment għall-Edukazzjoni u se jiġu żviluppati minn St Michael Hospice f’Santa Venera.
Għal 30 sena mindu twaqqfet il-fundazzjoni fl-1989, ir-rwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jsofru mill-kanċer, motor-neuron diseases, u mard terminali tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Dawn is-servizzi jingħataw minn tim multidixxiplinari ta’ speċjalisti. Il-kura offruta, li tikkonċentra fuq il-pazjent u l-familja, tagħti serħan mill-uġigħ u minn sintomi fiżiċi oħra, kif ukoll tindirizza l-aspett emozzjonali, psiko-soċjali u spiritwali.
Hospice Malta, għaqda mhux governattiva reġistrata mal-Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji, toffri s-servizzi kollha tagħha mingħajr ħlas lill-pazjenti f’Malta u Għawdex. Għal iktar tagħrif u donazzjonijiet żur hospicemalta.org.