B’investiment ta’ ħamsin elf ewro, permezz ta’ skema ta’ kollaborazzjoni bejn id-Direttorat tar-restawr mad-Direttorat għall-Gvern Lokali, il-Knisja ta’ Santa Katarina fl-Imqabba għaddejja minn proċess ta’ restawr biex din il-ġawhra f’nofs ir-raħal tmur lura l-glorja tagħha.
Il-perit tal-proġett Daphne Fenech, spjegat li dan il-proġett beda lejn l-aħħar tas-sena elfejn u għoxrin u mistennija titlesta sas-sajf li ġej.
“Il-kostruzzjoni tagħha hija kemxejn differenti minn knejjes oħra filfatt filwaqt li għandha portiku li huwa elaborat u li jagħtik dak l-idea tal-Barokk, il-bqija bħala configuration il-knisja hija pjuttost sempliċi. Bħala ġebla tinstab fi stat tajjeb ħafna u nistgħu ngħidu li bħala xogħol m’għandux għaldejn joħodilna ħafna tul ta’ żmien. Filfatt qed nittamaw li sas-Sajf għandha tkun lesta.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-kultura José Herrera stqarr li l-Gvern għandu l-obbligu li dawn l-iskemi biex siti ta’ preġju bħal din il-knisja jkunu jistgħu jiġu restawrati.
“Il-Gvern ċentrali għandu obbligu illi jgħin u jsostni l-kunsilli bi skemi finanzjarji u anki b’għajnuna mid-dipartimenti tiegħu u din hija skema ħelwa għax din hija skema ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern ċentrali u l-kunsill, aħna nipprovdu l-‘mano d’opera’, ir-restoration unit, aħna nipprovdu l-flus, ħamsin elf ewro u l-kunsill jagħżrl hu l-proġett li jrid jagħmel.”
Is-Sindku Imqabbi Omar Farrugia emfasizza li huwa d-dmir tagħna biex nippreservaw wirt artna biex inkunu nistgħu ngawdu minnu fis-snin li ġejjin.
Għas-sitt sena konsekuttiva, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali reġa’ ħareġ skema ta’ restawr fejn il-kunsilli lokali huma eliġibbli japplikaw sat-tnax ta’ Frar.