B’digriet mill-Vatikan il-Knisja Arċipretali u Kolleġjata ta’ San Pawl fir-Rabat Malta ġiet mgħollija għal titlu ta’ Bażilika. Aħbar pożittiva li ferħet lill-Pawlin kollha wara snin ta’ stennija.
Fil-knisja, li nbniet fuq il-grotta ta’ San Pawl diġà sab postu ħdejn l-artal l-umbrellun tal-Bażilika bil-kuluri aħmar u isfar.
L-Arċipriet Fr Louis Suban qal li raġuni ewlenija għal dan il-preġju hija fil-fatt ir-rabta tagħha ma’ missier il-Fidi f’Malta.
Huwa stqarr: “Mill-ewwel kien hemm reazzjoni ta’ ferħ għaliex it-titlu ta’ Bażilika lill-kolleġjata tar-Rabat huwa konferma tal-istorja antika ta’ din il-knisja u r-rabta tagħha mal-Appostlu missierna San Pawl u mal-fidi f’Malta, iġifieri dan huwa qisu rikonoxximent uffiċjali li din il-Knisja hija waħda importanti fejn jidħol il-kult ta’ San Pawl fid-dinja.”
Kundizzjoni ta’ Ruma biex il-Knisja ssir Bażilika hi li jinbidel l-artal maġġuri għal wieħed tal-irħam. Fil-jum li suppost il-Knisja stess u t-toroq tal-madwar ikunu armati b’tizjin tal-festa, l-Arċipriet qal li minħabba li l-artal il-ġdid mhux lest, il-festa ġiet posposta u se jingħaqdu zewġ festi f’Settembru li ġej.
Fr Louis sostna: “Ix-xewqa kienet hemm minn 1950’s iġifieri kien hemm petizzjoni u nġabru ħafna firem. Fin-1960’s ngħatat kolleġjata u qisu l-ħaġa waqfet hemmhekk imma minn dejjem kien hemm din ix-xewqa kbira u l-poplu Rabti kien ilu jitlobha. Jiena ressaqt it-talba quddiem il-kapitlu mbagħad għand l-Arċisoqf u qalilna nikkonsidraha…u ġiet.”
Din il-Bażilika diġà żaruha żewġ papiet, San Ġwanni Pawlu t-Tieni u l-Papa Emeritu Benedittu Sittax. F’Mejju li għadda l-Papa Franġisku kien mistenni wkoll iżur il-grotta ta’ San Pawl, il-post fejn saret l-ewwel quddies f’Malta.
L-artal il-ġdid mistenni jitlaq mill-Italja fit-tlieta t’Awwissu u fl-20 ta’ Settembru l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jikkonsagrah filwaqt li jinqara d-digriet tal-Bażilika. L-għada t-Tnejn l-istatwa ta’ San Pawl se toħroġ fit-toroq tar-Rabat għall-pellegrinaġġ.