Wara ħajja devota lejn il-patrun tar-raħal, San Nikola, il-qassis fis-Siġġiewi kien jindifen fil-kennierja tal-knisja parrokjali. Wara tindif sħiħ ta’ din il-kamra taħt l-art li tħaffret fis-sena 1675 ftit qabel beda l-bini ta’ din il-knisja, għall-ewwel darba l-pubbliku kellu l-opportunità li jidħol fil-kennierja waqt open day tal-knisja parrokjali.
L-arċipriet tal-parroċċa, Fr. Joseph Grech spjega kif il-kennierja kienet tintuża biss għad-dfin tal-fdalijiet tal-qassisin.
“Bħala kennierja din tiġi eżatt wara l-artal hawnhekk, fil-kor wara l-artal, taħt. Imma din biss, din hija l-kannierja. Mhux kbira ħafna u fil-fatt għalhekk kienu jindifnu saċerdoti biss hawnhekk. Il-kumplament tan-nies, għax qabel il-knisja kienet tintuża biex jindifnu n-nies ukoll qisu bħal ċimiterju, kienu jindifnu fil-knisja.
Minn hawnhekk wara garigor twil minn naħa ta’ wara tal-knisja dawk kollha preżenti kellhom l-opportunità li jaraw ir-restawr tas-soqfa tal-knisja mill-qrib. Il-konservatriċi li qed tmexxi ir-restawr tas-soqfa, Agatha Grima saħqet li r-restawr fuq is-soqfa kollha tal-knisja beda fl-2013 wara li l-pittura tal-koppla kienet inqalgħet u nstabet mal-art. Hija saħqet li l-pitturi jmorru lura għall-bidu tas-seklu għoxrin u kienu mibdija mill-artist Lazzaro Pisani biex meta miet kompla x-xogħol artistiku fil-knisja l-artist Carmene Palmieri.
Agatha Grima qalet li x-xogħol sabiex jiġu rresawrati l-pitturi kollha tal-knisja kien wieħed kbir. Saħħqet li l-investigazzjoni fuq il-pitturi kienet importanti minħabba li bosta kellhom partijiet mgħotijjin b’restawr preċedenti u tbagħbis li jkun sar fil-pittura matul iż-żmien.
“Dejjem trid tibqa’ tinvestiga qabel ma tieħu deċiżjonijiet fir-restawr. Barra t-twaħħil għamilna t-tindif ovjament imbgħad issir l-integrazzjoni, integrazzjoni b’affarijiet diversibli u wara ngħatu protective layer biex il-pittura tiġi, tkun b’saħħitha u tiġi protetta għall-futur.”
Ix-xogħol fuq ir-restawr tal-pitturi sar kollu bil-ġenerożità tal-benefatturi u l-għotjiet tas-Siġġiwin. Dan hekk kif huma għandhom il-knisja għal qalbhom ħafna minħabba d-devozzjoni kbira li għandhom lejn il-qaddis patrun San Nikola.
Din is-sena il-parroċċa tas-Siġġiewi ċċelebrat ukoll għeluq is-70 sena minn meta ġew inawgurati sett ta’ qniepen ġodda li kien ġew manifatturati mill-Kumpanija Brittanika John Taylor & Co.
Noah Sammut, ġuvnott mis-Siġġiewi li ilu jdoqq il-qniepen b’passjoni għal dawn l-aħħar tminn snin saħaq li l-ħames qniepen fis-sett kollha għandhom isem għalihom bl-ikbar waħda tingħata l-isem ‘Nicolina’.
Noah rrakkonta kif żjara fil-fonderija fejn saru l-qniepen fl-Ingilterra ġgħalitu japprezza aktar il-preġju tal-qniepen.
“Meta kont hemmhekk bdew jgħidu, bdew jgħiduli wkoll kemm, kemm qniepen huma xi ħaġa sabiħa u kemm huma importanti u bdew jgħiduli wkoll kemm jiġuk flus biex terġa’ tagħmilhom. Daż-żmien bdew jgħidu illi jiġuħ ħafna flus illi bejn wieħed u ieħor biex tagħmel qanpiena waħda li hija l-kbira tiġi qisha sittin elf jiġifieri mhux xi ħaġa li daż-żmien tista’ tagħmel b’xejn.”
Dawk kollha li żaru l-knisja tul il-ġurnata ngħataw l-opportunita li jgawdu l-veduta tar-raħal u l-madwar li joffri l-bejt tal-knisja. Dan filwaqt li bosta ħadu l-opportunità li jdoqqu waħda mill-qniepen li hemm f’wieħed mill-kampnari tal-knisja. Il-mgħodija taż-żmien ma’ nessietx ukoll bosta esperjenzi li Siġġiwin imdaħlin fl-età b’nostalġija irrakkontaw hekk kif tul id-dawra mal-knisja raw dak li ħadmu għalih huma u missirijiethom irrestawrat u kkurat.