Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan permezz ta’ fondi Ewropej ta’ ftit aktar minn mija u għoxrin elf ewro.
Dan il-proġett jikkumplimenta proġett preċedenti li sar b’fondi tal-Knisja.
Fost ix-xogħol li sar hemm dak fuq il-kappellun tal-Kurċifiss, il-ħitan tas-sagristija minn barra u l-kampnar.
Il-perit tal-proġett Mark Azzopardi spjega ma’ ONE news id-diversi proċessi li ttieħdu biex jiġi identifikat x’hemm bżonn isir.
Huwa qal: “Dak iż-żmien ġie identifikat li din ix-xaqliba tal-knisja li qed tħares lejn in-nofsinhar kienet l-iżjed deterjorata ħabba li jkollha ħafna xemx, il-melħ li jitla mill-art jikkristalizza u jfaqqa’ l-ġebla. Għalhekk dan ix-xogħol ġie kkonċentrat fuq din ix-xaqliba. Il-proġett li qed inidu llum huwa propju dak.”
Il-knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan ilha mibnija 350 sena u fuq forma ta’ salib, u għandha l-ogħla grad ta’ protezzjoni.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja Michael Pace Ross spjega li dan il-proġett ta’ restawr huwa parti minn kullana ta’ proġetti.
Huwa stqarr: “Ix-xogħol li nawgurajna bil-fondi tal-Unjoni Ewropea ammonta għal €122,000 u dan kien ir-raba’ proġett li aħna inawgurajna b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Patrimonju Kulturali. Kien hemm proġetti oħrajn li inawgurajna fl-Imdina, Mosta u Bidnija.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li b’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro qed isiru numru ta’ interventi f’diversi postijiet b’valur kulturali.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal: “Il-proġett qiegħed iħares lejn il-ħarsien u jippreserva wieħed mill-iktar parti mill-patrimonju ekleżjastiku li għandna f’pajjiżna kif ukoll qed ikompli isebbaħ u jagħti l-ġmiel fil-qalbha ta’ din il-lokalità.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-għajnuna li ngħatat sabiex dan il-proġett jitwettaq wriet li l-poplu huwa grat lejn il-wirt li jsawwru u l-istorja li jġib miegħu.