Għaddejjin b’ritmu tajjeb ferm ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja magħrufa bħala Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, b’investiment ta’ tliet mitt elf ewro.
Waqt żjara li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, għamel lix-xogħlijiet ta’ restawr, intqal li l-ħidma fuq il-faċċata ta’ din il-knisja unika bdiet f’Ottubru li għadda, u minn dakinhar diġà sar progress kbir sabiex elementi li kienu qed jagħmlu l-ħsara lill-faċċata jitneħħew.
Ix-xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni li qed isir fuq il-post għandu l-għan li jagħti lura lil dan il-monument storiku l-integrità estetika u viżwali tiegħu. L-interventi jinkludu xogħlijiet ta’ tindif u tibdil ta’ ġebel, fost l-oħrajn.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet li saret bħala parti miż-żjara, ġie spjegat li din il-knisja għandha rabta speċjali mal-poplu kollu, mhux biss għar-residenti tal-Belt Valletta. Dan huwa l-każ għax il-Knisja Ta’ Ġieżu kienet kruċjali fit-twaqqif tat-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira, li għadhom jiġu ċċelebrati sal-lum.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li permezz ta’ dan ir-restawr, il-Gvern qed jibgħat messaġġ ċar li r-restawr tal-wirt storiku ta’ pajjiżna huwa kruċjali wkoll għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Ir-restawr tal-wirt storiku huwa parti essenzjali mill-ħidma li qed nagħmlu f’dan is-sens għaliex iktar kemm ikollok wirt patrimonjali rrestawrat, l-ewwel nett tkun qed tissalvagwardja r-ruħ tal-pajjiż sħiħ, u t-tieni nett aħna nkunu qed nagħtu esperjenza aktar b’saħħitha lill-viżitaturi li jiġu jarawhom u lill-familji Maltin u Għawdxin li jgħixu hawn. Ix-xogħol patrimonjali li qed isir fuq il-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt hija prova ta’ dan.”
Intant, ONE News tkellem ukoll ma’ Patri Ramon Farrugia, li qal li din il-knisja Franġiskana, li hija wkoll xogħol tal-perit Ġlormu Cassar, kienet fi bżonn urġenti għar-restawr.
Dan minħabba li, apparti li din il-binja hija parti mill-wirt storiku Malti, hija wkoll post għat-talb u għal qalb ħafna nies li jżuruha.
“Ix-xewqa tagħna kienet li dan il-post, li kien mitluq għal ħafna snin, jingħata d-dinjità tiegħu lura, jgħin lin-nies li jiġu hawn biex jitolbu u jiftħu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Huwa parti wkoll minn proġett estensiv ta’ restawr li qed isir mhux biss fuq barra tal-knisja imma anke fuq ġewwa u anke fil-kunvent.”
Ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew sa’ Jannar tas-sena d-dieħla.